Barranin
Fl-Eġittu: Parata spettakolari għat-trasferiment ta’ 18-il re u 4 rġejjen għal mużew ġdid

Fil-jiem li għaddew saret parata spettakolari għat-trasferiment ta’ tmintax-il re u erba’ rġejjen għal mużew ġdid. Il-mummji kienu trasferiti f’kapsuli separati mimlija bin-nitroġenu għall-protezzjoni.

L-Eġittu ċċelebra t-trasport ta’ 22 mummja rjali fil-kapitali Kajr għall-Mużew Nazzjonali l-ġdid taċ-Ċiviltà Eġizzjana.

Għadd kbir ta’ nies segwew l-ispettaklu lussuż ta’ tmintax-il re u erba’ rġejjen li ttieħdu mill-Mużew Eġizzjan fi Pjazza Tahrir għall-Mużew il-ġdid li jinsab ftit aktar minn ħames kilometri ‘l bogħod.

Dik li ssejħet bħala l-Parata tad-Deheb tal-Faragħuni saret b’arranġamenti stretti ta’ sigurtà. Huma nġarrew skont l-ordni kronoloġika tar-renji tagħhom.

Kull mummja tpoġġiet fuq vettura ddekorata b’shock absorbers speċjali u kienu akkumpanjati b’għadd ta’ vetturi u replika ta’ karrijiet tal-gwerra biż-żwiemel.

Mal-wasla tagħhom fil-mużew, ingħataw salut ta’ 21 ta’ tir.

L-awtoritajiet Eġizzjani qed jittamaw li l-mużew il-ġdid jagħti spinta lit-turiżmu li hu sors primarju ta’ dħul għall-pajjiż. L-aħħar snin ma kinux faċli għal din l-industrija fl-Eġittu minħabba l-inkwiet politiku u l-pandemija.