Barranin
Fl-Etjopja mijiet ta’ nies qed jaħarbu mir-reġjun tat-Tramuntana minħabba gwerra

Fl-Etjopja mijiet ta’ nies qed jaħarbu mir-reġjun tat-Tramuntana minħabba gwerra u qed jimxu għas-Sudan, uħud bid-dgħajjes, oħrajn anki bl-għawm.

Dan hekk kif fl-istat ta’ Tigray għaddej ġlied kbir, bil-ġellieda tal-Gvern qed jiġġieldu ġellieda li huma leali lejn il-mexxejja ribelli.

Mijiet ta’ Etjopjani waslu s-Sibt filgħodu, u mijiet oħra għadhom qed jippruvaw jaqsmu b’xi mod ix-xmara Tekeze. Refuġjati qed jgħidu li spiċċaw jaħarbu minn tiri sparati addoċċ fit-toroq.

Il-ġimgħa li għaddiet mijiet ta’ Etjopjani nqatlu minn mindu il-Prim Ministru tal-pajjiż Abiy Ahmed bagħat lill-forzi tiegħu jiġġieldu kontra l-ġellieda ribelli. L-attakki mill-forzi tal-Gvern bdew isiru wkoll mill-ajru bil-konsegwenza li mijiet ħarbu bit-tama li jsalvaw.