Lokali
Fl-ewwel sitt xhur l-Aġenzija Appoġġ irċeviet aktar minn 400 rapport ta’ vjolenza domestika

Hekk kif illum qed ikun imfakkar il-Jum Dinji kontra l-Vjolenza Domestika, id-Direttur tal-Appoġġ Remenda Grech qalet li fl-ewwel sitt xhur tas-sena daħlu ‘l fuq minn 400 każ ġdid li l-maġġoranza kienu nisa ta’ bejn l-40 u l-44 sena. Is-sinjura Grech qalet ukoll li 170 vittma ta’ vjolenza domestika ngħataw għajnuna legali bla ħlas.

Fil-konferenza annwali organizzata mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, kienu diversi n-nisa li bħalissa qed jingħataw kenn f’bosta xelters tal-Gvern, li permezz ta’ filmati rrekordjati qasmu l-weġgħat tagħhom u dak li għaddew minnu minħabba abbuż fiżiku tant li spiċċaw telqu mid-dar. Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, iċ-ċentru Għabex ta kenn lil 23 mara. Is-sena li għaddiet dan iċ-ċentru ospita 52 mara, 24 tfal, u magħhom ukoll żewġt iklieb.

Id-direttur tal-aġenzija Appoġġ, Remenda Grech qalet li s-sena li għaddiet ħadmu ma’ 1,324 każ ta’ vittmi ta’ vjolenza domestika li talbu l-għajnuna, filwaqt li fl-ewwel sitt xhur tas-sena ħadmu ma’ aktar minn 412-il każ ġdid. Qalet li minn mindu f’Ottubru twaqqfet it-taqsima tal-pulizija ffukata fuq vjolenza domestika, qed issir ħidma kkoordinata mal-aġenzija Appoġġ, b’servizz immirat biex jagħti għajnuna prattika lill-vittmi. Qalet ukoll iżda li l-Appoġġ ħadmet ukoll mal-aggressuri li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kienu jammontaw għal 81 aggressur.

“Għajnuna speċjalizzata b’mod immedjat li qed tingħata u din ġiet milqugħa ħafna mill-vittmi tal-vjolenza domestika.”

Mistoqsija għax kellhom joħorġu minn darhom il-vittmi flok l-aggressur, is-sinjura Grech qalet li jkun hemm każijiet fejn jinħareġ l-aggressur iżda stqarret li fadal iktar xogħol xi jsir f’dan ir-rigward.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti appella biex il-vittmi ma jibqgħux ibatu fis-skiet.

“Inħeġġu lin-nies jitkellmu, tbatix fis-skiet, tkellem għax hawn l-għajnuna”.

Mill-istatistika ħareġ li din is-sena kien hemm ‘il fuq minn 30 raġel li talbu l-għajnuna minħabba vjolenza domestika, fil-maġġoranza fl-età ta’ iktar minn 60 sena. Filwaqt li l-maġġoranza tal-vittmi huma nisa, fl-età ta’ bejn l-40 u l-44 sena, it-tieni l-akbar ammont ta’ vittmi għandhom ‘l fuq minn sittin sena.