Lokali
Fl-ewwel sitt xhur tas-sena seħħew tliet imwiet fuq il-post tax-xogħol

Fl-ewwel sitt xhur tas-sena ġew irrappurtati tliet imwiet fuq il-post tax-xogħol. Ċifri uffiċjali juru li dan huwa l-istess ammont li kien irreġistrat fl-istess perjodu s-sena l-oħra.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena kien hemm 1,108 persuni involuti f’inċidenti fuq il-post tax-xogħol, li tfisser tnaqqis ta’ kważi 30% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.

Il-parti l-kbira tal-inċidenti seħħew fis-settur tal-kostruzzjoni (16.7%), fis-settur tal-manifattura (15.4%) u s-settur tat-trasport (13.8%).