Lokali
Fl-ewwel tax-xahar ir-riħ tela’ għal Forza 7 fi 12-il minuta – x’ġara?

Fl-ewwel tax-xahar ir-riħ tela’ minn Forza 1 għal Forza 7 fi 12-il minuta, wara fenomenu li nħass temporanjament waqt li l-art kienet qed tibred.

Fl-1 ta’ Awwissu kienu bosta dawk li ħassew ir-riħ qawwi li ħakem diversi bnadi tal-gżejjer Maltin, b’mod speċjali mal-lejl u fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Riħ, li qam minkejja li l-gżejjer Maltin kienu milquta minn mewġa ta’ sħana.

F’kummenti ma’ tvm.com.mt, kelliema mill-Uffiċċju Meterjoloġiku qalet li nhar il-Ħadd ġiet irreġistrata bidla fid-direzzjoni tar-riħ mix-Xlokk għall-Majjistral. Żiedet, li f’Ħal Luqa, il-qawwa tar-riħ telgħet minn Forza 1 għal Forza 7 f’inqas minn kwarta, bejn is-05:45 u s-05:57. Spjegat, li r-riħ qawwi li nħass għal madwar nofs siegħa x’aktarx kien riżultat ta’ żiffa li għoliet minħabba d-differenza fit-temperatura tal-baħar u tal-art.

Ikkuntattjat minn dan is-sit, l-espert dwar it-temp u l-klima Prof. Charles Galdies qal li jaqbel ħafna ma’ din l-ispjegazzjoni. Dan għaliex, fi kliemu, filgħaxija u matul il-lejl, l-art, inkluż il-bini u t-toroq jibdew jitilfu s-sħana li jkunu assorbew matul il-ġurnata, speċjalment waqt dawn il-ġranet sħan. Qal, li din is-sħana mitlufa titla ‘l fuq fl-atmosfera u din tirriżulta f’nuqqas ta’ pressjoni tal-arja qrib wiċċ l-art. B’kaġun ta’ hekk, żiffa qawwija u aktar bierda taf tidħol mill-baħar.

Żiffa, li skont Prof. Galdies taf tissaħħaħ aktar ma d-differenza bejn it-temperatura tal-art u dik tal-baħar tkun ogħla.

Ara wkoll:

Ara: Tromba tal-arja fl-Għadira – iqumu maħsuda u d-dgħajjes jinġarru mill-kurrent

Ara: Raw it-tromba tal-arja fir-Rabat