Barranin
Fl-Indja: Jingħataw lil binhom lura wara sena – nannuh qabad u tah għall-adozzjoni

Koppja li ilhom sena jfittxu lil binhom, finalment ingħaqdu miegħu mill-ġdid, wara li l-Qorti radditulhom lura. Il-każ qala’ kontroversja fl-Indja u kixef l-istigma qawwija marbuta ma’ tfal imwielda barra ż-żwieġ.

Anupama S Chandran, attivista ta’ 22 sena, welldet tifel f’Ottubru tas-sena l-oħra. Is-sieħeb tagħha, u missier it-tarbija, Ajith Kumar Baby ta’ 34 sena, huwa diġà miżżewweġ iżda separat.

Ġara li missier il-mara, li huwa politiku prominenti f’Kerala, ħataf lit-tarbija u taha għall-adozzjoni mingħajr il-kunsens tal-ġenituri.

It-triq biex isibu lil binhom kienet twila għaliex dan laħaq ġie addottat, iżda finalment instab permezz ta’ testijiet ġenetiċi u tpoġġa f’istitut, sakemm ingħata lura lill-ġenituri mill-Qorti.

Tul dawn l-aħħar ġimagħtejn il-koppja kienu qed jipprotestaw u jikkampjaw quddiem l-aġenzija tal-adozzjoni li ħaditilhom lil binhom, waqt li l-Pulizija qed tieħu passi legali kontra n-nannu tat-tarbija u membri oħra tal-familja.