Barranin
Fl-Indja: Jinstab ħaj wara seba’ sigħat fil-friża tal-kamra mortwarja

Ferħa u xokk fl-istess ħin għall-familjari ta’ raġel Indjan iddikjarat bħala mejjet. Dan wara li l-qraba li ntalbu jmorru fil-kamra mortwarja biex jidentifikawh innutaw li kien għadu qed jieħu n-nifs.

Il-każ seħħ f’Moradabad meta Srikesh Kumar, Indjan ta’ 45 sena, iddaħħal l-isptar wara li ntlaqat minn mutur. Huwa ġie trasferit lejn sptar privat fejn tabib iddikjarah mejjet malli daħal.

L-awtoritajiet tal-isptar infurmaw lill-Pulizija u r-raġel tpoġġa ġo friża fil-kamra mortwarja. Wara 7 sigħat waslu xi qraba tiegħu biex jidentifikawh ħalli ssir l-awtopsja u l-Pulizija jkomplu bl-investigazzjoni. Madankollu, waħda mill-qraba nnutat li kien għadu qed jieħu n-nifs anki jekk bil-mod.

Kumar jinsab f’koma imma skont it-tobba jidher li hemm ċans tajjeb li jgħix.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ta’ Moradabad, Dr Shiv Singh, iddeskriva dan il-każ bħala miraklu. Huwa qal li t-tabib li ra lir-raġel eżaminah diversi drabi qabel iddikjarah mejjet. Il-familja tar-raġel qed tikkunsidra jekk tiħux passi kontra t-tabib jew l-isptar.