Barranin
Fl-Ingilterra: dawk ta’ 30 sena jew aktar jistgħu japplikaw għat-tilqima

Fl-Ingilterra persuni ta’ 30 sena jew aktar jistgħu japplikaw biex jieħdu t-tilqima kontra l-COVID-19 hekk kif il-programm ta’ vaċċinazzjoni f’dan il-pajjiż kompla jinfirex fost il-popolazzjoni Ingliża.

L-awtoritajiet tas-saħħa Ingliżi qalu li madwar miljun ruħ se jiġu mistiedna biex jieħdu t-tilqima. Dan ifisser li fl-Ingilterra l-uniku grupp ta’ adulti li għadhom jistennew biex jingħataw it-tilqima huma dawk ta’ bejn it-18 u 29 sena.

L-awtoritajiet tas-saħħa Ingliżi qalu li skont l-aħħar linji gwida, dawk li għandhom 39 sena jew anqas u nisa tqal se jingħataw it-tilqima tal-kumpaniji Pfizer jew Moderna.

Dwar it-tixrid tal-varjant Indjan, l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li bosta żoni żiedu sew l-għoti tat-tilqima matul dawn l-aħħar ġimgħat bil-għan li jkomplu jħarsu s-saħħa tan-nies.

Dawk li għandhom 50 sena jew aktar u dawk vulnerabbli qegħdin jingħataw ukoll it-tieni doża qabel iż-żmien minħabba l-varjant. Dan skont il-kumitat konġunt dwar it-tilqim.