Barranin
Fl-Ingilterra: ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 se jibqgħu fis-seħħ sad-19 ta’ Lulju

Fl-Ingilterra, il-Prim Ministru Boris Johnson ħabbar li r-restrizzjonijiet li kienu se jitneħħew mal-bidu tas-sajf, nhar il-21 ta’ Ġunju, se jibqgħu fis-seħħ erba’ ġimgħat oħra, sad-19 ta’ Lulju. Fost l-oħrajn, dan ifisser li se jibqa’ l-limitu fuq l-attendenza għal attivitajiet sportivi, ħwienet tax-xorb, ristoranti u swali taċ-ċinema waqt li n-nightclubs se jibqgħu magħluqa.

Il-ġemgħat flimkien ma jistgħux jaqbżu t-30 ruħ. Eċċezzjonijiet se jsiru biss għat-tiġijiet u l-funerali li issa jistgħu jattendu għalihom ‘l fuq minn 30 persuna sakemm iżommu d-distanza soċjali.

It-tneħħija tar-restrizzjonijiet twalet biex aktar nies jitlaqqmu kontra l-coronavirus fost tħassib dwar iż-żieda fil-każijiet godda tal-varjant Indjan. Il-mira tal-Gvern hi li sad-19 ta’ Lulju żewġ terzi tal-popolazzjoni tkun tlaqqmet biż-żewġ dożi.

Johnson wera ruħu fiduċjuż li mhux se jkun meħtieġ li jżomm ir-restrizzjonijiet wara.