Parlament
Fl-Ingilterra jibda s-smigħ biex tifla maħtufa tinġieb lura Malta mal-familja li rabbietha

Il-Kamra tad-Deputati approvat unanimament it-tieni qari tal-abbozz ta’ ligi li jemenda diversi liġijiet dwar reati sesswali u affarijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-minorenni.

Fid-diskors tal-għeluq intqal li minn Lulju li għadda ġew approvati 70 pjan għal tfal li ngħataw ambjent permanenti ta’ għajxien ma’ familji li ffosterjawhom wara li kienet inharget ordni ta’ kura fil-konfront taghhom u li għal ragunijiet varji ma jistgħux jerġgħu jingħaqdu mal-ġenituri bijoloġiċi.

Dan thabbar mill-Ministru għas-Solidarjetà u Ġustizzja Socjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fid-diskors tal-għeluq fit-Tieni Qari fuq dan l-abbozz.

Il-Ministru Falzon ħabbar ukoll li l-Erbgħa beda s-smigħ fil-Qorti Ingliża biex it-tifla Arsena tintbagħat lura Malta għand il-familja li rabbietha minn meta kienet tarbija.

Huwa qal li kien prudenti fuq kif jitkellem fuq il-każ u segwa dak li ġara sakemm bdew il-proċeduri fil-Qorti Ingliża.

Il-Ministru Falzon qal li l-Gvern għall-ewwel darba qed jilleġisla biex persuni li jieħdu fil-forza jew bil-moħbi barra ‘l pajjiż tfal li huma taħt l-età jitqiesu li kkommettew reat kriminali u jkunu jistgħu jeħlu piena sa tliet snin ħabs.