Barranin
Fl-Ingilterra: Se jitressaq il-Qorti l-Ispettur li nqabad bid-droga fil-‘washing machine’

Spettur tal-Pulizija minn Bradford, fl-Ingilterra, li r-responsabbiltá f’xogħlu kienet dik jkisser ċrieki tad-droga u jżomm lill-pubbliku ’l bogħod mill-vizzjijiet koroh, se jitressaq il-Qorti l-ġimgħa d-dieħla, akkużat li f’daru kienet instabet b’kemm tiswa’ £700,000 kokaina fil-‘washing machine’. B’kollox, din id-droga kienet tiżen 11-il kilogramma.

Keith Boots ta’ 55 sena, kien jieħu ħsieb il-maħżen fejn il-Pulizija kienet iżżomm id-droga sekwestrata, biex ’il quddiem tinħaraq u tinqered.

Meta kien tressaq għall-ewwel darba fil-Qorti Leeds Crown, instema’ kif minflok li kien joqgħod għassa mad-droga sekwestrata biex ma jmissa ħadd, Boots kien jisraq minnha hu, jaħbiha d-dar u jbiegħha ftit ftit fit-toroq tan-naħat ta’ fejn jgħix.

L-uffiċjali kollegi tiegħu kienu ilhom jissuspettaw li xi ħadd kien qed imiss minn din id-droga sekwestrata tant li kienu għamlu ‘raid’ fid-dar f’Diċembru tal-2014 u li fih kienu sabu droga tat-tip eroina, kokaina, ecstasy, crack u cannabis. Il-moħba ta’ Boots kienet il-‘washing machine’.

Simon Bottomley, Supretendent tal-Pulizija, minn West Yorkshire, qal:

“Boots kien kriminal imlibbes kostum tal-Pulizija. Seraq ħafna droga tal-aqwa valur biex jerġa’ jqassamha lill-kriminali li hawn jiġru fit-toroq.”

Boots kien tkeċċa minn Pulizija f’Marzu tal-2016 u se jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.