Fl-Irlanda: kmamar apposta għat-teħid tad-droga

Persuni li jabbużaw mid-droga fl-Irlanda se jkollhom kmamar apposta fejn se jkunu jistgħu jieħdu d-droga f’ambjent aktar sigur u nadif. Din id-deċiżjoni mistennija tittieħed bil-għan li jitnaqqas l-għadd ta’ mwiet fatali kawża ta’ teħid eċċessiv tad-droga.

Fl-istess waqt l-Irlanda tinsab għaddejja bi proċess biex tiddikriminalizza ammont żgħir ta’ droga eroina, kokaina u kannabis għall-użu personali.

Dublin, il-kapitali Irlandiża għandha problema kbira ta’ droga. Tony Duffin, direttur ta’ Ana Liffey Drug Projctt qal li jikkalkulaw li mal-400 persuna jinjettaw lilhom infushom f’postijiet pubbliċi. Qal li din hija stima konservattiva u n-numru jista’ jlaħħaq l-eluf.

Fil-preżent jeżistu madwar 90 kamra fid-dinja fejn persuna tista’ tieħu d-droga b’superviżjoni medika u b’mod ikkontrollat. Is-Sur Duffin spjega li ħadd qatt ma miet f’dawn il-kmamar. Madakollu t-teħid eċċessiv tad-droga qed iwassal għal mewt kuljum fl-Irlanda. Huwa spjega wkoll li dawk li jinqabdu fil-vizzju tad-droga mhux biss qed jagħmlu ħsara lilhom infushom, iżda qed iħallu warajhom periklu kbir minħabba l-użu ta’ siringi li jitħallew f’postijiet pubbliċi.

Aodhan O Riordain TD, il-ministru responsabbli mill-istrateġija nazzjonali kontra d-droga sejjaħ għal “reazzjoni umanitarja”. Huwa kien kwotat jgħid: “Għaliex m’għandux ikollna ċentri ta’ injezzjoni, fejn tneħħi n-nies mit-toroq u teħodhom f’ambjent sigur u ta’ kompassjoni, li huwa superviżjonat medikament u b’hekk tassigura li ħadd minnhom ma jmut b’overdose billi jieħdu d-droga b’mod aktar sigur u nadif?”