COVID-19
Fl-Istati Uniti: esperti mediċi ma jaqblux jekk il-booster tal-Covid għandux jingħata lil kulħadd

Fl-Istati Uniti qamet kontroversja hekk kif l-esperti mhux jaqblu jekk il-booster tal-Covid għandux jingħata lil kulħadd jew lil dawk l-iktar vulnerabbli.

L-esperti tal-Food and Drug Administration (FDA) huma tal-fehma li t-tielet doża għandha tingħata biss lil dawk li għandhom ‘il fuq minn 65 sena u lill-vulnerabbli waqt li s-Centers for Disease Control and Prevention (CDC) qed jisħaq li din hija meħtieġa.

Skont is-CDC l-aħjar tilqima għal kontra l-Covid hija tal-Moderna, għax l-iktar waħda li ddum taħdem fil-ġisem, segwita mill-vaċċin tal-Pfizer waqt li l-inqas waħda hija l-Janssen tal-Johnson & Johnson.

Il-Gvern Amerikan irid li l-booster jingħata lil kulħadd. Huwa kien kritikat minn pajjiżi foqra madwar id-dinja għax dawn qed jgħidu li huma lanqas għandhom biżżejjed vaċċini biex jagħtu l-ewwel doża lil kulħadd.

L-awtoritajiet Amerikani huma mħassba li n-nuqqas ta’ qbil bejn l-FDA u s-CDC se jżid ix-xettiċiżmu fost dawk li għadhom ma jridux jieħdu t-tilqima.