Barranin
Fl-Italja: Abbandunata fl-isptar minħabba l-kundizzjoni ġenetika li twieldet biha

Tarbija li twieldet bil-kundizzjoni rarissima harlequin ichthyosis, ma tistax toqgħod f’xemx diretta u ġiet abbanduata fi sptar f’Turin.

Giovannino għandu 4 xhur u twieled bil-kundizzjoni ġenetika li taffettwa persuna f’miljun u ġġiegħel il-ġisem jipproduci ġilda xotta fost kundizzjonijiet oħrajn.

L-istaff tal-isptar qed jieħdu ħsieb lit-tarbija iżda Giovannino ma jistax jibqa’ jgħix u jikber fl-isptar.

Il-gazzetti Taljani rrappurtaw li l-awtoritajiet qed jippruvaw jikkuntattjaw u jsibu lill-ġenituri tat-tarbija biex joffrulhom l-għajnuna. Qed issir ħidma wkoll biex tinstab dar sigura u temporanja għal Giovannino filwaqt li jingħata l-għajnuna u t-trobbija li għandu bżonn.

L-infermiera qalu li jidilku lit-tarbija b’moisturizer ħafna drabi tul il-ġurnata. Huma kkummentaw li Giovannino jogħxa meta jisma’ l-mużika u l-hena tiegħu meta ħaddieħor jerfgħu.

Mindu ħarġet fil-beraħ din l-istorja ta’ qsim il-qalb, bosta persuni bdew jikkuntattjaw l-isptar biex jaraw kif jagħmlu biex jadottawh.