Barranin
Fl-Italja għadd ta’ protesti wara li tħabbru r-restrizzjonijiet l-ġodda

Restrizzjonijiet sabiex jikkontrollaw l-imxija tal-COVID-19 fl-Italja wasslu għal diversi protesti madwar il-pajjiż. Fost il-protesti vjolenti li seħħew fl-Italja, kien hemm f’Turin u f’Milan, fejn kellu jintuża l-gass tad-dmugħ sabiex jiġu kkontrollati l-protesti. Anke f’Napli ġew rapportati protesti bi vjolenza.

Il-protesti bdew minnufih wara li l-Gvern Taljan ordna għadd ta’ miżuri fosthom li bars, kafetteriji u restoranti jridu jagħlqu fis-6pm imma l-Ħadd jistgħu jibqgħu miftuħa l-ġurnata kollha, b’mhux aktar minn erba’ persuni jistgħu jpoġġu mal-mejda. Ir-restrizzjonijiet il-ġodda se jibqgħu fis-seħħ sal-24 ta’ Novembru.

Il-gyms, pixxini, swali taċ-ċinema u teatri se jibqgħu magħluqa. Hu rrakkomandat li t-Taljani joħorġu biss għall-affarijiet essenzjali u biex fid-dar ma jilqgħux nies li ma jagħmlux parti min-nukleu familjari.

Għalkemm l-ewwel lockdown, li seħħ kmieni dis-sena, it-Taljani ħaduh b’mod tajjeb, din id-darba n-nies irribellaw, bin-negozji ż-żgħar jgħidu li għadhom qed iqumu fuq saqajhom wara l-ewwel lockdown u issa dawn il-miżuri jistgħu jfalluhom.