Barranin
Fl-Italja: Heddewh b’xogħlu meta sentejn ilu wissa bil-ħsarat tal-cable car li waqgħet

Raġel li kien jaħdem mal-kumpanija li topera l-cable cars f’Mottarone l-Italja spiċċa mhedded li se jitlef xogħlu wara li sentejn ilu wissa li cable car minnhom kienet bil-ħsara.

Skont rapporti fil-midja Taljana, Stefano Carlo Gandini stqarr mal-Pulizija li f’Mejju tal-2019 huwa nnota li l-cable car numru tlieta f’Mottarone – l-istess waħda li waqgħet f’Mejju li għadda u li swiet ħajjet 14-il persuna – kellha xi ħsarat fil-brakijiet.

Fis-7 ta’ Ġunju li għadda, Gandini għadda lill-Pulizija għadd ta’ konverżazzjonijiet irrekordjati bit-telefown li jistgħu jkunu utli għall-investigazzjoni dwar dan l-inċident. Fihom, fost l-oħrajn, sid l-impjant tal-cable cars, Luigi Nerini, jinstema’ jhedded lil Gandini li se jkeċċih mix-xogħol wara li lmenta li cable car minnhom ma kinitx qed taħdem sew.

F’dan l-isfond, Gandini żied jgħid li kien spiċċa telaq mix-xogħol minn jeddu u li kellu jibda jxammar il-kmiem band’oħra.

Fit-23 ta’ Mejju li għadda, 14-il persuna nqatlu wara li cable car waqgħet qrib ix-xmara Maggiore fit-Tramuntana tal-Italja. Fit-traġedja, baqa’ ħaj iċ-ċkejken Eitan ta’ ħames snin, li dakinhar tilef ‘il-ġenituri u lil ħuh.