Barranin
Fl-Italja: Iċ-ċkejken Eitan jiġi f’tiegħu kważi għalkollox – irnexxielu jitkellem ma’ zitu

It-tobba tal-isptar tat-tfal Regina Margherita f’Turin fejn jinsab rikoverat iċ-ċkejken Eitan qalu li t-tifel ġie f’tiegħu kważi għalkollox peress li fost l-oħrajn irnexxielu jitkellem ma’ zitu Aya.

Eitan, ta’ 5 snin, huwa l-uniku fost grupp ta’ 15-il ruħ li baqa’ ħaj fit-traġedja li seħħet il-Ħadd li għadda f’Mottarone l-Italja.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, Eitan beda jisgħol u saħansitra jieħu l-ewwel nifsijiet waħdu. Ilbieraħ, Eitan kompla jeqleb għall-aħjar. Fl-aħħar 24 siegħa, it-tifel fetaħ għajnejh u tneħħewlu l-pajpijiet.

Intant, dalgħodu sar il-funeral ta’ missieru, t’ommu u ta’ ħuh iż-żgħir f’villaġġ fit-Tramuntana tal-Iżrael. Il-funeral tal-bużnanniet ta’ Eitan, li wkoll tilfu ħajjithom fit-traġedja li seħħet il-Ħadd li għadda f’Mottarone l-Italja, se jsiru għada.