Barranin
Fl-Italja: Immultati bil-goff wara li nqabdu bla maskra… u bla ħwejjeġ!

Sitt persuni fir-reġjun tal-Lombardija, fl-Italja, weħlu multa ta’ €3,300 kull wieħed wara li nqabdu mill-Pulizija jiksru iktar minn liġi waħda.

Il-persuni, li kienu kollha rġiel ta’ bejn 43 u 68 sena, kienu qegħdin jiffriskaw fuq waħda mill-bajjiet ta’ Abbadia Lariana.

Minkejja li ħafna mill-miżuri tal-lockdown ġew illaxkati, id-distanza soċjali u l-ilbies tal-maskri għadhom obbligatorji f’dan ir-reġjun fost l-iktar milquta mill-Covid-19.

Il-Pulizija kienet qed tagħmel rondi biex tinforza dawn il-miżuri, meta lemħet lil dawn l-irġiel għarwenin ħuta.

Huma kienu mmultati talli mhux biss m’għattewx imnifsejhom, iżda lanqas partijiet oħra, bil-konsegwenza li offendew id-diċenza pubblika.