Barranin
Fl-Italja: Jipprova jsalva l-kelb milli ttajru ferrovija u jispiċċa jitlef ħajtu miegħu

Raġel Spanjol ta’ 33 sena tilef ħajtu wara li ttajjar minn ferrovija hu u jipprova jsalva l-kelb tiegħu minn ħalq il-mewt.

Ir-raġel kien qed jippassiġġa mat-tfajla tiegħu u t-tlett iklieb tagħhom fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Porto Marghera f’Venezja għall-ħabta tan-00.30am. Hekk kif kelb minnhom, li x’aktarx kien bla ċinga, ħarab jiġri lejn il-ferrovija, sid il-kelb irħielha għal warajh biex jipprova jsalvah. Madankollu, kemm ir-raġel kif ukoll il-kelb spiċċaw ittajru u nqatlu.

It-tfajla, li tilfet lis-sieħeb u lill-kelb tagħha quddiem għajnejha, kienet taħt xokk kbir. Hija ngħatat l-ewwel għajnuna mix-xufier tal-ferrovija li waqaf minnufih u minn mara li kienet tefgħa ta’ ġebla bogħod minn fejn seħħ l-inċident.

Fuq il-post issejħu membri mill-Protezzjoni Ċivili, mill-Pulizija tal-Ferrovija u għadd ta’ rappreżentanti tal-linja tal-ferrovija.