Barranin
Fl-Italja: Omm tqum minn koma wara 10 xhur – taha attakk tal-qalb meta kellha 7 xhur tqala

Fl-aħħar 24 siegħa, Cristina Rosi, omm Taljana ta’ 30 sena, qamet minn koma wara madwar 10 xhur.

F’Lulju tal-2020 Cristina taha attakk tal-qalb meta kellha seba’ xhur tqala. Attakk, li wassal għal għadd ta’ kumplikazzjonijiet f’saħħet il-mara kif ukoll fit-tqala. Tant, li bintha Caterina kellha titwieled b’ċesarja.

Ir-raġel ta’ Cristina, Gabriele Succi qal li hekk kif qamet mill-koma, Cristina lissnet il-kelma “mamma”, “mà” bil-Malti.

Minn April ‘il hawn, Cristina bdiet tingħata kura speċjalizzata bit-tama li terġa’ tiġi f’tagħha mill-aktar fis. Trattament, li qed tagħmlu anki bil-għajnuna ta’ paġna li twaqqfet biex tagħtiha daqqa t’id fl-ispejjeż. Paġna, li s’issa rnexxielha tiġbor mal-€170,000 biex jgħinu lil Cristina fost l-oħrajn biex tibqa’ għaddejja bil-fiżjoterapija meħtieġa.