Barranin
Fl-Italja rondi biex jassiguraw li kulħadd isegwi r-restrizzjonijiet l-ġodda

L-aħbarjiet internazzjonali huma ddominati mill-approvazzjoni tat-tilqima Johnson & Johnson mill-awtoritajiet Amerikani; filwaqt li x-xemx tiżreġ f’Ruma ħajret lin-nies joħorġu, iżda li qed ikunu mgħassa mill-Pulizija li qed jaraw li ma jinkisrux ir-restrizzjonijiet kontra l-imxija tal-Covid.

Fl-Istati Uniti, l-awtoritajiet regolatorji apporvaw it-tilqima Johnson & Johnson żviluppata mill-kumpanija Janssen. Hu mistenni li mill-ġimgħa li ġejja din it-tilqima tibda tingħata lin-nies, tant li sal-aħħar ta’ Ġunju, l-Istati Uniti se jkollha mitt miljun doża minnha. Din hi t-tielet tilqima approvata fl-Istati Uniti wara l-Pfizer u l-AstraZeneca. L-Unjoni Ewropea għandha mitejn miljun doża ordnati mit-tilqima tal-Johnson & Johnson, li mistennija tiġi approvata fil-jiem li ġejjin.

Waqt li n-nies bdew jilagħqu x-xemx fil-pjazez u t-toroq ewlenin ta’ Ruma, uffiċjali tal-Pulizija qed iwettqu rondi fit-toroq biex jassiguraw li kulħadd isegwi r-restrizzjonijiet il-ġodda maħsuba biex irażżnu l-imxija. Bejn ilbieraħ u llum fl-Italja mietu 280 persuna bil-virus. L-għadd ta’ persuni li mietu bil-virus qed joqrob il-mitt elf. L-Italja hi t-tieni l-iktar pajjiż fl-Ewropa wara r-Renju Unit li rreġistra mwiet kawża tal-virus.

Fl-Arġentina, eluf ta’ nies niżlu fit-toroq jipprotestaw kontra l-Gvern wara li ġie żvelat li tlaqqmu xi nies minħabba l-qrubija li għandhom mas-setgħat tal-poter fil-pajjiż. Quddiem il-Palazz Presidenzjali fi Buenos Aires, id-dimostranti bdew isabbtu fuq it-twaġen bil-kartelluni f’idejhom jitolbu lill-Gvern biex irodd it-tilqim lura lin-nies. F’Diċembru bdew jitlaqqmu l-ħaddiema tas-saħħa u fl-aħħar ġranet bdew jitlaqqmu n-nies li għandhom iktar minn 70 sena.

Sena eżatt mindu fi New Zealand feġġ l-ewwel każ pożittiv ta’ Covid, l-ikbar belt ta’ Auckland qamet fit-tieni lockdown f’xahar, hekk kif l-awtoritajiet qed jippruvaw jillimitaw l-imxija tal-varjant tar-Renju Unit. Il-Prim Ministru Jacinda Ardern ilbieraħ ħabbret lockdown ta’ 7 ijiem lill-popolazzjoni ta’ 2 miljun ruħ. F’dan il-lockdown, in-nies jistgħu joħorġu biss għax-xiri u x-xogħol, filwaqt li postijiet pubbliċi se jibqgħu magħluqin u ma jistgħu jsiru ebda attivitajiet soċjali jew sportivi.