Barranin
Fl-Italja se jibda ġuri kruċjali kontra membri tal-mafja

Fl-Italja, mistenni jibda wieħed mill-iżjed ġurijiet kruċjali u importanti kontra membri tal-mafja u uffiċjali korrotti wara investigazzjoni minn uffiċjali tas-sigurtà Taljani dwar il-grupp Ndrangheta.

Iżjed minn 900 xhieda huma mistennija jagħtu l-evidenza tagħhom u l-lista tal-akkużi tinkludi omiċidji, traffikar tad-drogi, rikatti u ħasil ta’ flus.

Il-ġuri se jibda l-Erbgħa u mistenni jdum iżjed minn sentejn. Il-proċeduri se jseħħu f’bini fil-belt ta’ Lamezia Terme li kien modifikat apposta għall-ġuri fir-reġjun tan-nofsinhar tal-Calabria li jinsab fil-qalba tat-territorju tal-Ndrangheta.

L-aħħar ġuri li seħħ fuq din l-iskala kien fit-tmeninijiet, mill-1986 sal-199 fejn kienu fil-mira għadd ta’ familji tal-Cosa Nostra fi Sqallija. Il-ġuri li jibda illum madankollu huwa fil-konfront ta’ familja waħda, il-Mancuso, li tifforma parti mill-Ndrangheta u topera l-iżjed fil-provinċja ta’ Vibo Valentia, fil-Kalabrija.

Waqt proċeduri ta’ qabel il-ġuri, ittieħdu iżjed minn tliet siegħat biex jinqraw l-ismijiet tal-akkużati li jinkludu politiċi, uffiċjali tal-pulizija, uffiċjali taċ-ċivil, kif ukoll membri u kompliċi tal-Ndrangheta.