COVID-19
F’liema każijiet qraba jistgħu jżuru l-pazjenti fl-Isptar Mater Dei?

Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Celia Falzon qalet li li ttieħdet id-deċiżjoni li jitwaqqfu temporanjament il-viżti fl-Isptar Mater Dei sabiex il-komunità vulnerabbli tkun protetta.

Intervistata waqt l-aħbarijiet tat-8pm fuq TVM, Dr Falzon qalet li din kienet deċiżjoni diffiċli għal kulħadd iżda ttieħdet b’responsabbiltà kbira wara konsultazzjoni.

Hija spjegat li hemm xi eċċessjonijiet għal xi qraba li jistgħu jitħallew iżuru l-pazjenti fosthom tfal, każijiet ta’ griżma tal-morda u każijiet oħra li l-persuna li tieħu ħsieb il-ward tagħti permess.

Mistoqsija jekk din il-miżura tbiegħedx in-nies milli jmorru l-Isptar għall-kura, hija ħeġġet lill-pazjenti biex jekk ikollhom bżonn imorru u ma jħallux il-kundizzjoni tagħhom tigrava. Qalet li l-miżuri li qed jittieħdu huma sabiex l-Isptar Mater Dei jibqa’ post sigur u wieħed imur hemm b’moħħu mistrieħ.

Intant din il-miżura diġà ddaħħlet ukoll għal San Vinċenz u residenzi tal-Gvern għall-anzjani. Anke l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’seħħ minn għada se jwaqqaf iż-żjarat lill-pazjenti bħala miżura ta’ prevenzjoni u kontroll minħabba l-Covid-19. Min-nhar it-Tnejn 13 t’April is-servizzi ta’ out-patients u l-kliniċi se jiċċaqalqu lejn Barts Medical School.

Ara x’qalet il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei f’dan il-filmat: