Kronaka
Il-Pulizija bl-akbar qabda ta’ droga – mal-bettiegħ u dulliegħ isibu 200kg kannabis

Ħidma mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, ilbieraħ waranofsinhar wasslet għall-arrest tat-tliet persuni, wara sejba ta’ 200 kilogramma, raża u ħaxixa tal-kannabis. Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija ikkonfermaw ma’ TVM, li din hija l-ikbar qabda din is-sena.

Malti ta’ 28 sena li joqgħod San Gwann u żewġ Sqallin ta’ 30 u 31 sena għadhom qed jinżammu taħt arrest fid-Depot tal-Pulizija, b’rabta mal-ikbar qabda ta’ droga kannabis din is-sena, 200 kilogramma. Id-droga nstabet f’diversi kaxxi li kienu mimlijin bettiegħ u dulliegħ.

It-tliet persuni gew arrestati mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, il-Ħamis waranofsinhar. Huma kienu f’żewġ vannijiet li l-Pulizija kienu ilhom ħin isegwuhom. Nifhmu li l-kaxxi bil-frott u bid-droga kienu għadhom kemm waslu Malta minn Sqallija u tgħabbew fiż-żewġ vetturi, li saqu f’direzzjonijiet separati. Bil-Pulizija ssegwihom, vann minnhom twaqqaf f’Ħal Luqa, waqt li l-vann l-ieħor twaqqaf f’Ta’ Qali.

Minn tfittxija li saret fiż-żewġ vetturi, qalb il-kaxxi li kienu mimlijin dulliegħ instabet 100 kilo raża tal-kannabis; waqt li fil-kaxxi fejn kien hemm il-bettiegħ instabet 100 kilo ieħor, ħaxixa tal-kannabis.

Bis-sejba kienet infurmata l-Maġistrat Charmaine Galea li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.

Il-Pulizija qalet li t-tliet persuni mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat illi ġejjin akkużati bl-assoċjazzjoni fl-importazzjoni u traffikar ta’ 200 kilo kannabis.

Din il-qabda qed titqies bħala waħda mill-akbar qabdiet ta’ kannabis din is-sena, wara li oħrajn, fosthom 150 kilogramma li kienu moħbija f’qiegħ u abbord vapur tal-merkanzija fi Frar; 111-il kilogramma li nstabu f’Mejju f’residenza f’Birkirkara, waqt li kien hemm sejbiet oħra kbar li kienu ivarjaw bejn 40 u 100 kilo.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Anzjan ta’ 75 sena residenti l-Pieta’ tilef ħajtu meta waqa’ għoli ta’ tliet sulari. Il-każ seħħ ftit wara s-sebgħa ta’ llejla meta l-anzjan instab mal-art fl-inħawi ta’ ġnien li jinsab…

Lokali

Fil-ġranet li ġejjin, l-awtoritajiet tas-saħħa mistennija jagħmlu funeral tal-foqra lil erba’ persuni, li tlieta minnhom għandhom il-karta tal-identità Maltija li ilhom aktar minn xahrejn abbundannati fil-kamra mortwarja. Ma’ TVM, id-Direttur…

Lokali

Mil-lum il-bdiewa li jkabbru l-patata bdew iħejju l-għelieqi tagħhom wara li fl-aħħar jiem għamlu l-kalkoli tat-telf li kellhom fl-aħħar sena minħabba r-riħ qawwi u s-silġ li niżel fil-grigalata ta’ tmiem…

Lokali

Fit-tmien ġimgħat tal-għasir tat-tadam, bejn Lulju u Awwissu se jiġu proċessati mas-sitt elef tunnellata tadam li jinġabru mingħand mitejn bidwi f’Malta u Għawdex. Fil-fabbrika tal-ikbar produttur fl-ipproċessar tat-tadam, jidħlu medja…

Aktar