COVID-19
Flok wiċċ imbwiċċ il-priġunieri f’Kordin qed jitkellmu mal-qraba bi Skype

Minn din il-ġimgħa, l-iskype beda jintuża fil-ħabs biex priġunieri jagħmlu kuntatt limitat u b’ħarsien tar-regolamenti mal-familjari. Il-miżura tikkumpensa d-deċiżjoni li minħabba l-imxija tal-coronavirus, il-qraba ma jistgħux iżuru lill-priġunieri.

Fil-ħabs qed jittieħdu bosta miżuri fosthom li priġunieri ġodda mhumiex jidħlu mill-ewwel fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn ġie żviluppat ukoll sptar żgħir għal kull eventwalità.

F’post mill-aktar sensittiv, b’sigurtà massima, iċ-ċirkustanzi ta’ bħalissa qed iidu l-isfidi għall-amministrazzjoni tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li bdiet tħaddem pjan ta’ kontinġenza sa minn qabel ma kien konfermat l-ewwel każ pożittiv f’Malta. B’1,200 ruħ bejn priġunieri u impjegati, l-akbar konċentrazzjoni ta’ nies tinsab f’Raħal Ġdid. Oħrajn jinsabu f’taqsima fl-Isptar Monte Carmeli u priġunieri żgħażagħ fl-Imtaħleb. Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi, il-Kurunell Alexander Dalli, spjega li priġunieri ġodda qed jinżammu f’post barra l-ħabs.

”Biex dawk li jkunu newly admitted ġewwa l-ħabs, jidhirli li kemm ilha li faqqgħet il-pandemija kellna madwar 15-il każ, dawn inżommuhom f’post barra mill-ħabs, nagħtuhom iċ-ċans ta’ 15-il ġurnata kwarantina, u mbagħad bilmod niffiltrawhom lura ġewwa l-ħabs.”

Il-kuntatt ma’ barra tnaqqas u ttieħdu miżuri biex sa fejn hu possibbli l-ħabs ma jiddependix fuq servizzi oħra. L-aġenzija issa għandha vettura tat-tifi tan-nar u ħarrġet uffiċjali għall-eventwalità li tkun trid tintuża. Vetturi li jkollhom jidħlu biex iwasslu oġġetti essenzjali qed jiġu diżinfettati u l-ħasil tal-ħwejjeġ qed isir kollu fil-faċilità. Biex mill-għatba tal-ħabs ‘il ġewwa jidħlu biss dawk li verament meħtieġ, twaqqfu ż-żjarat lill-priġunieri. Mat-telefonati, il-priġunieri bdew iżommu kuntatt mal-familjari f’darhom permezz ta’ skype waqt li jiġi assigurat li jitħarsu r-regolamenti tal-ħabs.

“Minn din il-ġimgħa ħloqna sistema ta’ skype fejn il-priġunieri jistgħu jitkellmu mal-familjari tagħhom fid-dar. Jidhirli li sa issa kellna madwar 150 priġunier li diġà f’dawn l-aħħar 3 ijiem tkellmu mal-familjari tagħhom.”

B’din l-inizjattiva bdiet titħaddem fl-aħħar ġranet, il-Kurunell Dalli spjega li miżuri oħra ilhom li daħlu fis-seħħ. Qal li l-pjan ta’ kontinġenza beda b’inizjattivi ta’ edukazzjoni lill-priġunieri u l-impjegati; ix-xiri ta’ tagħmir protettiv; aktar enfasi fuq l-indafa; u mindu faqqgħet il-pandemija f’Malta ddaħħlu diversi miżuri li biddlu r-rutni tax-xogħol.

“Fil-5.30am il-ħaddiema kollha jidħlu għax-xogħol, jgħaddu minn ġo tray biex jiġi ddekontaminat iż-żarbun tagħhom, ikunu lebsin il-maskra, jitteħdilhom id-deni, wara li niżguraw li huma b’saħħithom, jidħlu għax-xogħol u hemmhekk nibdew nieħdu t-temperatura tal-inmates kollha. Dan qegħdin ngħidu fis-6am, induru madwar 800 priġunier biex naraw li dawn m’għandhomx deni, li mhux juri sintomi tal-marda.”

Qal li f’każ ta’ sintomi, il-priġunieri jiġu riferuti għat-tobba tal-ħabs. Ikkonferma li sal-lum, ebda priġunier jew impjegat mhu pożittiv għall-COVID-19. Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi qal li l-pjan jaħseb ukoll għall-eventwalità li l-pandemija tidħol fil-ħabs, fejn parti separata mill-ħabs ġiet attrezzata fi sptar żgħir b’madwar 20 sodda. Il-ħabs għandu wkoll ambulanza attrezzata għalih, fost miżuri oħra.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Inqas minn ġimgħa mill-budget addizzjonali li l-Gvern ser iressaq nhar it-Tnejn, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ltaqa’ mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali biex flimkien taw ħarsa lejn…

Lokali

SkolaSajf 2020 se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha fl-1 ta’ Lulju li ġej, jiġifieri kważi ħmistax-il ġurnata iktar kmieni milli tiftaħ is-soltu. Fi stqarrija ntqal li dan hu possibbli wara diversi preparamenti li saru fl-aħħar xhur…

Annimali

Boton qtates ta’ sbatax tħalla abbandunat quddiem bieb ta’ santawarju tal-qtates f’Bormla. Il-Voluntiera tas-santwarju CSAF qalu li jħossuhom irrabjati li mhux biss għax dawn il-frieħ ġew mormija, iżda setgħu tgħaffġu…

Budget

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna flimkien mal-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ltaqgħu mal-imsieħba soċjali bi preparazzjoni għall-budget ta’ rkupru li se jitħabbar nhar it-Tnejn 8…

Aktar