Saħħa
Florence Nightingale ġiet Malta – laqatha r-rispett tal-kavallieri lejn il-morda

F’għeluq il-200 sena mit-twelid tal-pijuniera tal-infermiera – Florence Nightingale – l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ddedikat din is-sena għall-infermiera u l-qwiebel.

Għal din is-sena kienu ppjanati għadd ta’ attivitajiet madwar id-dinja li sfaxxaw minħabba l-pandemija tal-Covid-19. F’dan l-isfond iżda, l-infermiera qed jitqiesu bħala l-eroj minħabba s-sehem tagħhom mal-pazjenti tal-coronavirus.

Ix-xogħol imprezzabbli tal-infermiera jitfakkar kull sena fit-12 ta’ Mejju, jum twelid Florence Nightingale li hija meqjusa bħala pijuniera għall-professjoni moderna tal-infermiera. Din is-sena dan il-jum huwa aktar speċjali mhux biss għax qed jitfakkar il-200 sena mit-twelid ta’ Nightingale imma wkoll għall-impenn u s-sagrifiċċji li l-infermiera għamlu matul il-pandemija tal-coronavirus.

Id-Direttur tal-Infermiera u l-Qwiebel, Vince Saliba qal li f’Malta u Għawdex hawn mat-3,500 infermier, li bejn 11 u 15 fil-mija minnhom huma barrannin, ħafna minnhom Indjani, Pakistani u Filippini. Is-Sur Saliba qal li l-infermiera barranin huma marbutin bil-kuntratt li jagħmlu kors qasir tal-Malti u jekk ma jgħaddux minnu ma jkunux jistgħu jkomplu jaħdmu.

“Jekk ma jkollokx dik il-vokazzjoni li trid tgħin ma tistax taħseb fil-vokazzjoni tan-nursing,” qal Vince Saliba.

Dr Catherine Sharples – infermiera, li rriċerkat u studjat l-aspett storiku tal-infermiera, spjegat li kif fl-1936 saret l-ewwel leġiżlazzjoni li tagħraf min hu huwa infermier u min le. Qalet li l-ewwel infermiera f’Malta kienu ġew imħarrġa mis-sorijiet. Madankollu ftit kienu n-nies li kienu jistudjaw biex isiru infermiera, billi ma kienx hawn tradizzjoni li n-nisa jaħdmu barra d-dar u din ma kinitx professjoni li tattira lill-irġiel. Dr Sharples qalet li sal-1964 kien hemm biss 28 infermier reġistrati u ħafna sorijiet. Illum għadd kbir ta’ infermiera jkomplu jistudjaw fil-livell ta’ Masters u anke dottorat.

Dr Sharples żiedet li Florence Nightingale ħalliet l-impatt tagħha anke fuq Malta, li żaret darbtejn, l-ewwel darba bħala turista fl-1849 u mbagħad fi triqitha għall-gwerra tal-Krimea.

“Florence Nightingale kitbet li xtaqet li tgħallmet in-nursing mal-Kavallieri ta’ San Ġwann meta ġiet hawn u rat kif iqisu huma lill-marid. Huma lill-marid kienu jqisuh bħala his lordship – our lords, the sick,” qalet Catherine Sharples.

Fil-200 sena mit-twelid ta’ Florence Nightingale, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ddedikat l-2020 bħala s-Sena Internazzjoni tal-Infermiera u l-Qwiebel. Il-qabla, Pauline Borg iddeskriviet il-professjoni tagħha bħala vokazzjoni bbażata fuq ix-xjenza.

“Il-preżenza tal-midwife fit-tqala tgħin biex tipprevjeni dik li ngħidulha morbidity and mortality jiġifieri jekk lokalment ikollna sistema b’saħħitha ta’ midwifery nistgħu nnaqqsu r-rata ta’ kumplikazzjonijiet u problemi u mewt fil-maternità,” qalet Pauline Borg.

F’dan il-jum, il-Kunsill tal-Infermiera u l-Qwiebel nieda kodiċi ta’ etika u prattika kif ukoll l-kriterji professjonali tal-infermiera u qwiebel, li għadhom kemm ġew riveduti u aġġornati. L-infermiera u l-qwiebel huma regolati mill-Kunsill, li jżomm ukoll ir-reġistri u jara li kull min japplika għar-reġistrazzjoni jkollu il-kwalifiċi meħtieġa.