Barranin
Florida mhux se tibqa’ tħabbar kemm instabu każi ta’ Covid kuljum

Id-Dipartiment tas-Saħħa fi Florida qal li mhux se jibqa’ jippubblika l-andament tal-pandemija fl-istat kuljum bħalma għamel matul dawn l-aħħar xhur. Ħabbar, li m’għadx hemm bżonn li l-pubbliku jkun mgħarraf b’kemm instabu każi ta’ Covid-19 kuljum għaliex fi kliemu Florida tinsab qrib li terġa’ lura għal normalità sħiħa.

L-uffiċjali tas-saħħa fi Florida, minflok, qalu li se jibdew jaġġornaw il-figuri b’rabta mal-pandemija darba f’ġimgħa. B’hekk, Florida huwa l-ewwel stat Amerikan li mhux se jibqa’ jagħti rendikont ta’ kemm instabu każi ta’ Covid-19 kull 24 siegħa.

Christina Pushaw, is-segretarja tal-Gvernatur ta’ Florida Ron DeSantis, qalet li Florida għandha rata ta’ pożittività ta’ anqas minn 5%. Żiedet, li nofs il-persuni li jgħixu fi Florida ngħataw mill-anqas doża waħda tat-tilqima.