Televiżjoni u Radju
F’Lulju TVM baqa’ l-iktar stazzjon segwit u żied l-udjenza b’16,000

TVM baqa’ l-iktar stazzjon segwit fl-eqqel tas-sajf, filwaqt li l-aħbarijiet tat-8.00pm kisbu l-ogħla udjenza mill-programmi kollha; 113,000 telespettatur. Imqabbel ma’ sena ilu, l-udjenza medja ta’ TVM żdiedet b’iktar minn 16,000 spettatur.

L-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir li sar f’Lulju li għadda wera li TVM kiseb udjenza medja 120,000 telespettatur, ekwivalenti għal 34% tat-telespettaturi Maltin, kważi d-doppju ta’ ONE u t-tripplu ta’ NET TV.

L-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir li sar meta l-udjenzi jonqsu minħabba l-btajjel tas-sajf wera li l-istazzjonijiet televiżivi tal-Public Broadcasting Services – b’udjenza ta’ 36% – huma l-aktar stazzjonijiet segwiti f’Malta, b’TVM u TVM 2 għandhom telespettaturi iktar mill-istazzjonijiet barranin kollha flimkien, li bejniethom għandhom kważi 32%.

L-istħarriġ tal-Awtorità, li sar fuq medda ta’ xahar mal-bidu tal-iskeda tas-sajf, wera li TVM kiseb udjenza ta’ ta’ 34%, filwaqt li ONE laħaq udjenza ta’ ta’ 18% u NET TV 10%. L-istazzjonijiet barranin kisbu udjenza ta’ 32%.

Mill-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir joħroġ li fi kwalunkwe jum tal-ġimgħa, l-aħbarijiet tat-8.00pm fuq TVM kellhom l-ogħla udjenza fost il-programmi u l-istazzjonijiet kollha, bl-ogħla udjenza tlaħħaq 113-il elf telespettatur;  żieda ta’ 16,000 spettatur meta mqabbel mal-ogħla udjenza mkejla f’Lulju tas-sena li għaddiet.

Iċ-ċifri juru li l-Maltin għadhom isegwu t-televiżjoni matul is-sajf, bi tnaqqis ta’ ftit iktar minn 4% fuq is-sajf ta’ qabel. Huwa stmat li ftit iktar minn 241,000 persuna jew 54.6% tal-Maltin isegwu t-televiżjoni b’mod regolari għal ftit inqas minn sagħtejn.

Fl-udjenza tar-radju, Bay Radio baqa’ l-iktar segwit b’udjenza ta’ 26%, segwit minn ONE Radio b’16.5%, Radju Malta b’11.6% u Vibe FM bi kważi 10%. Magic Malta kiseb udjenza ta’ 3.8%.