Infrastruttura
Flyover u mina taħt l-art minflok ir-roundabout prinċipali ta’ Ħal Luqa

Infrastructure Malta qed tniedi Luqa Junction Project, investiment tas-sena 2021 biex flok ir-roundabout prinċipali ta’ Ħal Luqa tibni junction b’livelli differenti għal aktar ħeffa u sigurezza fir-rotot ewlenin bejn Ħal Qormi, Santa Luċija, il-Marsa, il-Gudja, l-Ajruport, il-mini ta’ Ħal Kirkop u Birżebbuġa.

Fi stqarrija ġie spjegat li r-roundabout eżistenti hija junction importanti tan-network tat-toroq arterjali prinċipali magħrufa bħala TEN-T, u tgħaqqad tliet rotot maġġuri minn u lejn diversi destinazzjonijiet fil-madwar. Hija wkoll wieħed mill-aċċessi ewlenin għaċ-ċentru ta’ Ħal Luqa. Dan il-proġett ġdid se jniedi flyover, mina taħt l-art u karreġġati oħrajn biex jipprovdu konnessjonijiet diretti bejn tliet toroq arterjali, jiġifieri Triq San Tumas lejn Ħal Qormi, Triq il-Kunsill tal-Ewropa minn Santa Luċija u l-Marsa, u Vjal l-Avjazzjoni, li twassal għall-Gudja, Birżebbuġa, il-mini ta’ Ħal Kirkop kif ukoll l-Ajruport u l-Freeport.

Il-proġett se jbiddel ukoll il-medda art kbira fejn bħalissa hemm ir-roundabout, fi spazju miftuħ ta’ madwar 5,900 metru kwadru, sabiex il-biċċa kbira minnu jsir post pubbliku ta’ rikreazzjoni b’siġar, passaġġi u xogħlijiet tal-arti monumentali, u b’aċċess faċli biex tasal għalih bil-mixi miċ-ċentru ta’ Ħal Luqa. Luqa Junction Project jinkludi wkoll passaġġ għall-mixi u r-roti mifrud mit-triq tul parti minn Triq il-Kunsill tal-Ewropa, sabiex jingħaqad mal-korsiji għar-roti u l-bankini li diġà hemm fi Vjal l-Avjazzjoni.

Bi kważi 16,000 persuna jivvjaġġaw minnha kull siegħa fl-għeqqel ħinijiet ta’ filgħodu u waranofsinhar, ir-roundabout ta’ Ħal Luqa bħalissa qed topera b’volum ferm akbar minn kemm tiflaħ tilqa’. Dan qed joħloq sriebet twal ta’ vetturi u ħafna dewmien fl-ivvjaġġar. Id-disinn eżistenti ta’ din il-junction ftit li xejn joffri tqassim u separazzjoni bejn l-influssi mir-rotot differenti li jingħaqdu fiha, li jfisser li saret punt ta’ kunflitt ewlieni b’ħafna konsegwenzi, fosthom dewmien u tniġġis tal-arja f’Ħal Luqa u postijiet oħra fil-madwar.

Flimkien mal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project, li jinkludi tibdil simili tar-roundabout tal-Ajruport nofs kilometru bogħod, Luqa Junction Project mistenni jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar sa 74% f’kull direzzjoni. Dawn iż-żewġ proġetti tista’ tgħid se jeliminaw ukoll żewġ żoni magħrufin għall-aċċidenti, billi jneħħu l-ħtieġa li vetturi jaqsmu kontra xulxin fiż-żewġ roundabouts. Fl-istess waqt, permezz ta’ faċilitajiet aktar siguri, se jonqsu wkoll ir-riskji t’aċċidenti għal dawk li jkunu għaddejjin f’din iż-żona bil-mixi jew bir-rota.

Dawn iż-żewġ proġetti se jwasslu wkoll għal titjib sinjifikanti fil-kwalità tal-arja f’Ħal Luqa, il-Gudja u nħawi oħrajn fil-viċin. Fil-fatt, huwa stmat li se jnaqqsu sa 9.1 tunnellata emissjonijiet tal-materja partikulata kull sena. Bl-istess mod, l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju, li huma fost l-ikbar kontributuri tal-kriżi fil-klima, se jonqsu bi 33,000 tunnellata kull sena.

Il-flyover ġdida ta’ Luqa Junction Project se testendi 220 metru biex tipprovdi korsija diretta li tgħaqqad il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Triq San Tumas ma’ dik ta’ Vjal l-Avjazzjoni, lejn l-Ajruport, il-Gudja, Birżebbuġa u l-mini ta’ Ħal Kirkop. Il-mina ġdida b’korsija waħda se tkun twila 60 metru u fonda aktar minn 5.5 metri. Din se tgħaqqad il-karreġġjata lejn il-punent ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa mal-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Triq San Tumas, biex dawk li jkunu qed jivvjaġġaw minn Santa Luċija jkunu jistgħu jibqgħu sejrin lejn Ħal Qormi mingħajr il-ħtieġa li jaqsmu minn quddiem karozzi li jkunu sejrin lejn l-Ajruport u destinazzjonijiet oħra fl-istess direzzjoni.

Korsiji ġodda oħra mibnija fil-livell tal-art madwar il-flyover se jipprovdu konnessjonijiet diretti mill-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Vjal l-Avjazzjoni lejn Triq San Tumas (lejn Ħal Qormi) u Triq il-Kunsill tal-Ewropa (lejn il-Marsa u Santa Luċija). Il-korsiji maqtugħa għalihom li hemm bħalissa mal-ġnub tar-roundabout se jiġu modifikati biex isiru korsiji diretti lejn id-direzzjonijiet l-oħra.

Minflok ir-roundabout, Infrastructure Malta se toħloq spazju miftuħ ġdid għar-rikreazzjoni, b’passaġġi u punti ta’ qsim pedonali biex jintlaħqu faċilment miċ-ċentru ta’ Ħal Luqa u mill-bankini u korsiji għar-roti ġodda u dawk li diġà hemm fit-tliet toroq arterjali fil-madwar. Dan l-ispazju se jkun imsebbaħ b’siġar ġodda, arbuxelli u xogħlijiet tal-arti kbar, kif qed tagħmel bħalissa madwar it-toroq ġodda tal-Marsa Junction Project.

Il-parti l-kbira tal-proġett se ssir fl-istess spazju fejn bħalissa hemm il-korsiji tar-roundabout u t-toroq li jwasslu għaliha. Faxxa ta’ art ġdida ta’ madwar 2,000 metru kwadru matul il-karreġġjata lejn il-punent ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa jeħtieġ tittieħed biex isir il-passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti mifrud mit-triq.

Infrastructure Malta qalet li qed taħdem biex sal-aħħar ta’ din is-sena tikkonkludi l-proċessi għall-ħruġ tal-permess tal-iżvilupp u l-akkwisti tas-servizzi meħtieġa għal dan il-proġett. Bħalissa għaddejja wkoll b’konsultazzjonijiet ma’ entitajiet u organizzazzjonijiet oħra li għandhom interess fil-proġett, sabiex tkompli ssaħħaħ il-benefiċċji tiegħu.

Ix-xogħlijiet ta’ dan il-proġett huma ppjanati għall-2021, f’ħidma konġunta u kkordinata max-xogħol tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP), li huwa skedat li jibda aktar tard din is-sena. KTAIP jinkludi l-bini mill-ġdid tar-roundabout tal-Ajruport, fuq in-naħa l-oħra ta’ Vjal l-Avjazzjoni, biex din ukoll issir b’livelli differenti permezz ta’ żewġ mini ġodda u flyover.

Luqa Junction Project u KTAIP jistgħu jkunu kofinanzjati permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Ekonomija u Finanzi

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li sa April, l-iżbilanċ fil-fond konsolidat kien diġà skorra s-607 miljun ewro. Fl-istess perjodu s-sena l-oħra, l-iżbilanċ tal-gvern kien ta’ 144 miljun ewro. Dan ifisser…

COVID-19

Is-Suoretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci mistennija tagħti l-aħħar aġġornamenti tas-sitwazzjoni attwali tal-Covid-19 f’pajjiżna. Il-konferenza stampa se tixxandar dirett fuq TVM, tvm.com.mt, Radju Malta u l-paġna Facebook ta’ TVM.

Statistika

Stimi proviżorji tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-ekonomija Maltija kompliet tikber fl-ewwel 3 xhur ta’ din is-sena. L-NSO qal li l-Prodott Domestiku Gross bejn Jannar u Marzu żdied 59 miljun…

Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali sabet li d-drittijiet fundamentali ta’ Yorgen Fenech inkisru meta ma tkomplietx il-kumpilazzjoni kontrih wara li ħareġ l-avviż legali li bih ġew sospiżi s-seduti tal-qorti ħlief f’każi urġenti. L-Imħallef…

Aktar