Lokali
Flyover u żewġ mini flok ir-roundabout tal-Gudja b’investiment ta’ €18-il miljun

Infrastructure Malta bdiet ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ tmintax-il miljun ewro fiż-żona fejn l-ajruport. Il-Ministru Ian Borg qal li r-roundabout tal-Gudja se tkun iddisinjata mill-ġdid biex tinkludi karreġġjata diretta għal Birżebbuġa waqt li se tinbena flyover għal dawk li jivvjaġġaw minn u lejn Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-Żurrieq u Ħal Safi. Il-proġett li mistenni jitlesta fi żmien sentejn se jinkludi żewġ mini għal aċċess aħjar lejn il-freeport u l-ajruport.

Beda x-xogħol fuq il-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop u ż-żona tal-ajruport b’investiment ta’ €18-il miljun minn Infrastructure Malta b’ko-finanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Il-Perit tal-proġett Anton Zammit qal li x-xogħol mistenni jdum sentejn.

“Link bejn id-diversi rħula li għandna f’dawn l-akwati imma se niffaċilitaw l-aċċess kemm għall-ajruport kif ukoll għat-trasport inġenerali kollu. Se nipprovdu flyover li se tmur għan-naħa taż-Żurrieq u underpass li se tikkolega minn ġej minn Ħal Far biex jibqa’ għaddej dritt għal Ħal Qormi u għal Ħal Luqa.”

B’dan it-tibdil, tliet rotot li bħalissa jiltaqgħu u jaqsmu kontra xulxin mar-roundabout tal-Gudja, se jgħaddu mill-mini jew il-flyover li se jinbnew.

Il-Ministru tal-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg qal li b’dan il-proġett se jkompli jonqos it-tniġġis u l-ħin tal-ivjaġġar lejn dawk li jivvjaġġaw minn u lejn Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-Żurrieq, Ħal Safi u żewġ postijiet strateġiċi għall-ekonomija Maltija; l-Ajruport u l-Port Ħieles.

“Dan hu proġett ambizzjuż, proġett kbir. Ma nistgħux ngħidu li hu l-ikbar proġett għaliex kellna proġetti importanti bħal Tal-Marsa Junction, bħas-Central Link, illi huma ikbar minn dan l-intervent, pero huwa proġett maġġuri, proġett li se jkun qiegħed iħares għal għexieren ta’ snin ‘il quddiem.”

Ix-xogħol fuq dan il-proġett qed isir f’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali biex ikun assigurat li ma jkun hemm l-ebda impatt negattiv fuq il-fdalijiet arkeoloġiċi ta’ Ħal Resqun li hemm taħt ir-roundabout.