F’Malta 6 miljun kilo ta’ ikel jintrema kull sena

Waqt il-programm ‘Popolin’ ġie diskuss l-ikel u l-fatt li 25% tal-ikel kollu li nixtru jiġi mormi. Dan il-fatt qiegħed jiġġenera mas-6 miljun kilo ta’ skart tal-ikel kull sena. Kemm aħna konxji mill-ħela li qegħdin niġġeneraw? F’kumment ma ‘Popolin’ il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca spjega li għal dawn l-aħħar sentejn beda jinġabar l-iskart organiku b’mod separat li wara proċess li jgħaddi minnu qiegħed jinbidel f’enerġija elettrika.

Bilocca spjega kemm hu importanti l-prinċipju li ma jiġix ġenerat skart żejjed. Ikun ideali u aktar prattiku jekk bħala ċittadini nidraw nikkalkulaw, nippreparaw u nikkunsmaw biss dak li għandna bżonn. ‘Popolin’ tkellem ma chefs prominenti f’pajjiżna li spjegaw il-prattiċi li jadottaw biex kemm jista’ jkun inaqqsu l-iskart organiku ġenerat.