Saħħa
F’Malta ġew ittestjati 22 persuna għall-Coronavirus – kollha rriżultaw fin-negattiv

Fl-aġġornament ta’ kuljum dwar il-Coronavirus, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li s’issa f’Malta saru swabs fuq 22 persuna li kellhom is-sintomi tal-virus iżda kollha rriżulataw li m’għandhomx il-Covid-19, kif issemma dal-virus.

Żiedet tgħid li mill-bieraħ bdiet tittieħed it-temperatura tal-passiġġieri li jaslu bil-katamaran, kif diġà qiegħed jiġri fl-ajruport. Il-Professur Gauci qalet li f’dan il-każ eċċezzjonali qiegħda tikkunsidra li tagħti leave ta’ kwarantina lil persuni li jkunu żaru reġjuni fejn hemm każi tal-Coronavirus.

Intant fl-Italja, li huwa l-pajjiż bl-aktar każi ta’ Coronavirus fl-Ewropa, il-persuni nfettati laħqu l-500 ruħ.

Waqt li għadha fuq fomm kulħadd, l-imxija tal-Coronavirus, l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin qegħdin jagħtu aġġornamenti kuljum anke jekk s’issa f’Malta ma nstab l-ebda każ.

“Aħna għamilna diversi swabs u kollha rriżultaw fin-negattiv, ġifieri ma għandna l-ebda każ pożittiv,” qalet il-Professur Gauci.

Id-Direttur tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci ,kompliet tgħid li madankollu l-awtoritajiet tas-saħħa qed jippreparaw għal kull eventwalità fosthom faċilitajiet ta’ iżolament.

“F’każ li jkollna każ pożittiv, aħna niżolaw din il-persuna, għandna postijiet fejn nistgħu nżommu l-persuna kemm f’każ li ma jkollux bżonn ta’ sptar imma għandna faċilità ta’ healthcare li nistgħu npoġġuh ġo fiha, imma jekk għandu bżonn jidħol l-isptar għall-kura sekondarja, nistgħu npoġġuh f’sala apposta f’Mater Dei li hija attrezzetta biex ma jkunx hemm infezzjonijiet li jiġu trażmessi bejn persuna u oħra u anqas trażmissjoni lill-kumplament tal-isptar.”

Spjegat li d-Dipartiment tas-Saħħa għaddej b’kampanja ta’ informazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-mard, b’helpline li qiegħed jirrispondi d-domandi tal-pubbliku dwar il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu. Ħeġġet biex l-informazzjoni tittieħed minn sorsi awtorevoli u mhux mill-midja soċjali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-isptar Mater Dei, Celia Falzon, qalet li anke fid-dipartiment tal-emerġenza qed jittieħdu prekawzjonijiet.

“Bħalissa jekk xi ħadd imur hemmhekk ser isib l-infermiera mħarrġa mal-bieb biex jistaqsu d-domandi lil kull pazjent li jigi l-emerġenza, biex nassiguraw ruħna li jekk hemm l-iċken dubju li l-persuna tista’ tkun ġejja minn dawn iż-żoni jew inkella li għandha din il-kundizzjoni, immedjatemnt niżolawha u neħdulha swab.”

Il-Professur Gauci qalet li l-persuni li jkunu żaru reġjuni fejn hemm każi tal-coronavirus għandhom joqgħodu kwarantina fid-dar. Qalet li f’dan i-każ eċċezzjonali qiegħda tikkunsidra li tagħti leave ta’ kwarantina lil dawn il-persuni. Qalet li s’issa din tapplika għall-ħaddiema fis-settur pubbliku wara li ssir applikazzjoni mar-riżorsi umani.

Fi stqarrija l-Union Ħaddiema Magħqudin- Voice of the Workers, appellat għal-laqgħa urġenti tal-Employment Relations Board u qed tħeġġeġ lill-gvern biex il-leave speċjali għal kwarantina jkun japplika wkoll għall-ħaddiema fis-settur privat.

Dwar s-safar lejn pajjiżi milquta mill-coronavirus, l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur qalet li l-passiġġieri bbukkjati jkunu intitolati għal kumpens jekk it-titjira jew il-pakkett tal-ivjaġġar jitħassru mill-operaturi. Is-sitwazzjoni qed tkun ukoll taħt il-lenti ta’ kumitat li twaqqaf mill-Ministeru għat-Turiżmu mal-operaturi fl-industrija minħabba l-effett li l-coronavirus qed ikollu fuq is-settur.

Intant fl-Italja, li huwa l-pajjiż bl-aktar każi ta’ Coronavirus fl-Ewropa, il-persuni infettati laħqu l-500 ruħ, b’żieda ta’ 80 każ fl-erbgħa u għoxrin siegħa. L-għaqda dinija tas-saħħa qalet li għall-ewwel darba nstab aktar kazi tal-virus f’pajjiżi barra ċ-Ċina milli fiċ-Ċina stess, minn fejn oriġina l-virus. Madwar id-dinja ġew reġistrati l-ewwel każi tal-coronavirus fl-Alġerija, il-Brażil u l-Pakistan.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Koppja Maltija li tinsab abbord cruise fil-Mediterran għamlet appell imqanqal lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni li ma titħalliex tinżel Malta. Marthese Bonello u Joseph Mercieca kitbu ittra pubblika…

Qorti

Tneħħew l-ispejjeż tal-qorti għal persuni li fil-ġranet u fil-ħinijiet normali tax-xogħol jitolbu li jinfetaħ ir-reġistru tal-qorti biex jippreżentaw rikorsi urġenti fir-reġistru tal-Qorti. Dan sar b’avviż legali minħabba li r-reġistru tal-qorti…

COVID-19

Ma nstab ħadd jikser il-kwarantina obbligatorja waqt l-425 spezzjoni li saru fl-aħħar sigħat madwar Malta u Għawdex, bl-appell jittenna biex kulħadd jibqa’ responsabbli u jikkopera mad-direttivi li jingħataw mill-awtoritajiet. Madanakollu 4…

Lokali

Wara riformi li saru inkluż tisħiħ tar-riżorsi umani fil-FIAU skont ir-rakkomandazzjonijiet, tal-Money u tal-Awtorità Bankarja Ewropea l-Aġenzija li tgħasses fuq il-ħasil tal-flus, kellha żieda qawwija f’rapporti dwar transazzjonijiet finanzjarji suspettużi….

Aktar