F’Malta ħielsa rridu nkomplu nissieltu għall-ugwaljanza – PM

Waqt iċ-ċerimonja tal-erbgħin annivesarju ta’ Jum il-Ħelsien fil-Birgu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-Ħelsien ma jfissirx iżolament, imma jeħtieġ l-ugwaljanza. Dr Muscat sostna li min jgħid li Jum il-Ħelsien hi festa ta’ nazzjonaliżmu estrem, ma fehemx il-ħolma tal-ex Prim Ministru Dom Mintoff li ħolom u welled dan il-jum.

F’ċerimonja maġenb il-monument tal-Ħelsien li 40 sena ilu tela’ fuqu għall-ewwel darba l-ex Prim Ministru Dom Mintoff, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li Jum il-Ħelsien wassal biex illum pajjiżna grazzi għall-ħolma ta’ missirijietna, seħħet il-ġustizzja soċjali, fosthom bil-benefiċċji soċjali, il-pensjonijiet, u l-leave tal-maternità li mexxew id-drittijiet tal-poplu ‘l quddiem. Dr Muscat semma’ kif kien Dom Mintoff li ħolom u wasal għal dan il-jum speċjali għal pajjiżna, li wassal biex pajjiżna llum huwa ndaqs daqs ħaddieħor. Dr Muscat semma nies oħra li bħal Dom Mintoff ħolmu għal Malta ħielsa fosthom Mikiel Anton Vassalli u Ġorġ Borg Olivier.

Dr Muscat qal li Jum il-Ħelsien ifisser poplu li ħadem għax jemmen li kull bniedem huwa daqs ħaddieħor. Qal li l-ugwaljanza tfiser li ebda kategorija m’għandha dritt inqas minn ta’ ħaddieħor.

Il-Prim Ministru qal li llum f’Malta ħielsa rridu nkomplu nissieltu għall-ugwaljanza bejn nisa u rġiel, għaliex anki jekk xi wħud jixxukkjaw ruħhom b’dak li jgħid, in-nisa għadhom meqjusa inqas mill-irġiel. Dr Muscat spjega r-riforma li jmiss biex in-nisa verament jingħataw spazju fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż fosthom fil-Parlament. Żied jgħid li minkejja li r-riformi dejjem ġew wara t-tbatija, il-Moviment Laburista huwa kburi li qatt ma beża’ jieħu deċiżjonijiet li jwasslu għal Malta ħielsa u moderna.

Wara d-diskors il-Prim Ministru Joseph Muscat akkumpanjat mis-sinjura Michelle Muscat tela’ fuq il-monument tal-Ħelsien biex xegħel il-fjamma tal-Ħelsien.