F’Malta jsiru mal-100 evalwazzjoni ta’ vjolenza domestika fix-xahar

“Il-vjolenza domestika sfortunatament qeda magħna u qed tiżdied”, hekk spjegat Remenda Grech, Direttur għal Fondazzjoni għas-servizzi ta’ Ħarsien Soċjali waqt il-programm ‘Popolin’ fejn ġiet diskussa u evalwata l-vjolenza domestika f‘pajjiżna.

Grech spjegat li minn meta ġiet introdotta l-liġi rigward il-vjolenza domestika, qegħdin nagħtu iktar widen u opportunità biex jiġu identifikati dawn it-tip ta’ każijiet. Bis-sehem kemm tal-pulizija kif ukoll tal-ħaddiema u l-professjonisti tal-Fondazzjoni għas-servizzi ta’ Ħarsien Soċjali qed jintlaħqu iktar vittmi. Hija spjegat li l-ammont ta’ każijiet irraportati qiegħed jiżdied u hemm ħafna fatturi għaliex dan qed isir; jista’ jkun li r-realtà tal-vjolenza domestika żdiedet, biss jista’ jkun ukoll li peress li s-servizzi qegħdin iktar aċċessibbli, il-vittmi qed jagħmlu iktar kuraġġ jagħmlu użu minnhom. Kompliet tgħid li “F’Malta isiru mal-100 evalwazzjoni ta’ vjolenza domestika fix-xahar”.

Irrispettivament mir-raġuni għaliex l-ammont irraportat żdied jibqa’ l-fatt, li pajjiżna għandu numru kbir ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika. Fill-fatt f’Malta, minn Jannar sa’ Ġunju 2020, ġew irrapportati ftit anqas minn 1000 każ ta’ vjolenza domestika.