Lokali
F’Malta komuni li l-ġenituri u l-ulied iwettqu reat kriminali flimkien

F’riċerka għad-dottorat dwar il-kriminalità fil-familji Maltin, Janice Formosa Pace sabet li l-familja tista’ tkun dik li tippromwovi l-kriminalità. Kontra dak li jseħħ fl-Eworpa, f’Malta hija komuni li l-ġenituri u l-ulied iwettqu reat kriminali flimkien. Mir-riċerka rriżulta wkoll li f’dawn il-familji hemm rata għolja ta’ reċidiviżmu.

Wieħed minn kull tliet priġunieri Maltin jiġu minn xulxin. Dan ħareġ mir-riċerka li Janice Formosa Pace għamlet dwar il-kontinwità tal-kriminalità fil-familji. Dr Formosa Pace ffukat fuq sittin sena, mill-1950 sal-2010. F’dan il-perjodu identifikat 622 familja fejn il-kriminalità intirtet minn ġenerazzjoni għall-oħra. F’ħafna każi, il-kriminalità waqfet mat-tieni ġenerazzjoni.

“Però ma niqfux hemm jiġifieri għandek sitwazzjonijiet fejn għandek familji li sibt anke ħames ġenerazzjonijiet ta’ kontinwità ta’ kriminalità.”

Dr Formosa Pace spjegat li jispikkaw l-aktar missirijiet li jwettqu reat kriminali ma’ wliedhom subien, kif ukoll aħwa u koppji miżżewġin. Qalet li f’dawn il-familji hemm rata ikbar ta’ reċidiviżmu, bil-membri tal-istess familja deħlin u ħerġin il-ħabs.

Mir-riċerka rriżulta li l-familji kriminali jikbru għax jittħalltu u anke jiżżewġu fl-istess familji. Il-maġġoranza joqogħdu fl-istess inħawi.

“S’issa dejjem ħarisna lejn il-familja bħala crime preventer però għandna riċerka li turi li l-familja tista’ tkun crime promoter.”

”L-istudji Ewropej jgħidulek li l-ġenituri ma jagħmlux crimes ma wliedhom, fil-każ tagħna jien dik sibtha. Għandek sitwazzjonijiet fejn ġenituri u wlied jagħmlu crime flimkien.”

Dr Formosa Pace rrimarkat li ħafna drabi l-ulied isegwu lill-ġenituri tagħhom f’dik li sejħet karriera fil-kriminalità, hekk kif jirrepetu r-reati kriminali li jkunu wettqu l-ġenituri.

Qalet li hemm diversi fatturi li jwasslu għall-kriminalità, ewlenin fosthom il-qgħad.

“Il-crime families jiffinanzjaw il-bżonnijiet finanzjarji tal-familja fuq il-kriminalità. Apparti minn hekk għandek fatturi li dawn huma familji li huma esposti għall-crime ukoll. Huma joqogħdu f’dawk li huma stabbiliti poverty pockets u l-offender hotspots ta’ Malta jiġifieri inti għandek kumplessità ta’ riskji flimkien.”

Dr Formosa Pace qalet li l-iktar reati komuni huma serq, serq aggravat bħal bil-lejl jew bl-użu ta’ armi, kif ukoll traffikar ta’ droga.

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar