Teknoloġija
F’Malta l-ikel jaf jibda jasallek bid-drone

Tim ta’ riċerkaturi Maltin qed jesploraw il-possibilità li ċertu oġġetti jew prodotti jibdew jitwasslu bi drone. B’kollaborazzjoni ma’ esperti internazzjonali bħalissa din ir-riċerka qed toqrob lejn tmiemha biex jibda jittajjar drone bejn Malta u Kemmuna.

Sa ftit tas-snin ilu li tordna x-xirja jew l-ikel favorit tiegħek permezz tal-mowbajl u jitwassal id-dar f’qasir żmien jaf kienet xi ħaġa rari. Illum, speċjalment fl-aħħar xhur, ilkoll nafu li saret parti mill-ħajja ta’ kuljum. Iżda tim ta’ riċerkaturi Maltin raw li jmorru pass lil hinn minn hekk u qed iħarsu lejn is-smewwiet bħala l-mezz futur għat-tqassim ta’ merkanzija.

Dan hekk kif bħalissa għaddejjin provi sabiex dan id-drone, li kapaċi jġorr tagħbija ta’ 10 kilogrammi, jagħmel l-ewwel titjira miċ-Ċirkewwa sa Kemuna. Fl-ewwel titjira tim ta’ esperti tal-avjazzjoni, informatika u manifattura se jwasslu boroż fittizji tad-demm bejn iż-żewġ gżejjer.

Il-bdot Karl Falzon, li jifforma parti mit-tim ta’ riċerka Quiero, qal li s-sigurtà hija waħda mill-aktar aspetti fundamentali f’dan il-proġett. Spjega li vjaġġ ikun programmat minn qabel u l-inżul ikun awtomatiku.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hands On Systems, Geoffrey Farrugia, li ilu jaħdem fuq dan il-proġett għal aktar minn sena u nofs, qal ma’ TVM li dan id-drone jista’ jkollu missjonijiet varji. Semma li kumpaniji kbar internazzjonali bħal Amazon diġà qed iħaddmu sistemi simili.

“L-applikazzjonijiet huma varji, minn shuttle li jagħmel ‘express deliveries’ bħal mhuma apparat mediku u testijiet tal-vaċċin, għal użu ta’ każi oħra bħal cargo li wieħed irid jibgħat bejn Malta u Għawdex.

Parti integrali minn dan il-proġett kien Dr Jian Wang li jopera kumpanija aerospazjali fil-Ġermanja. Mal-wasla tiegħu f’Malta huwa stqarr ma’ TVM li l-gżejjer Maltin huma ideali biex titħaddem sistema bħal din.

“Malta would be the perfect place for this to work out. You know this is my second day here, we already tested and loving it, we had eight flights yesterday, later on we’re gonna make the first channel cross, so super excited!”

Dr Wang wera ruħu fiduċjuż li fil-futur t-tqassim ta’ oġġetti bid-drones issir xi ħaġa normali!