Saħħa
“F’Malta m’hemmx lok għal allarm” – Prof Gauci dwar is-sejba ta’ virus ġdid

Fiċ-Ċina, tliet persuni mietu u iżjed minn 200 oħra jinsabu morda, wara li ħakimhom mikrobu ġdid li qed jissejjaħ novel coronavirus.

F’kummenti lil TVM, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li waqt li f’Malta m’hemm l-ebda lok ta’ allarm, qed isir monitoraġġ tas-sitwazzjoni u qed jiġu segwiti l-pariri tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u taċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard.

Beda f’Wuhan City, fil-provinċja ta’ Hubei fiċ-Ċina, u issa nfirex għal Beijing, Shanghai, Shenzhen, b’rapporti wkoll li l-virus tfaċċa fil-Ġappun, it-Tajlandja u l-Korea t’Isfel. Bil-virus il-ġdid imsejjaħ novel coronavirus s’issa magħruf li mietu tliet persuni u iżjed minn 200 każ ieħor ġie rappurtat. Dan il-mikrobu jikkawża sintomi bħal riħ komuni li mbagħad iwassal għal kumplikazzjonijiet fin-nifs u pneumonia. Hu maħsub li dan il-mikrobu qed jinfirex daqshekk malajr minħabba li miljuni ta’ Ċiniżi qed jivjaġġjaw għall-btajjel tal-ewwel tas-sena Ċiniża.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li l-mikrobu hu bħal tar-riħ komuni, u s’issa m’hemmx tilqima kontrih.

“Dan huwa virus partikolari, infatti semmewh novel coronavirus, għaliex qiegħed jattakka lin-nies billi jaffettwahom iktar severa milli kieku kellna coronavirus normali li jaffettwa bħala riħ komuni,” qalet il-Professur Gauci.

Dwar jekk dan il-virus jitteħidx minn persuna għall-oħra, il-Professur Gauci qalet hekk: “S’issa l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed tgħid li dawk in-nies li kellhom dan in-novel coronavirus kienu nies li marru dawn il-markets fiċ-Ċina, u qalu li hemm evdenza limitata ħafna li turi li dan qed jittieħed minn persuna għall-oħra b’faċilità, bħalma jittieħdu viruses oħrajn.”

Il-Professur Gauci qalet li jekk ikun hemm nies li se jżuru l-provinċja ta’ Hubei fiċ-Ċina għandhom jevitaw swieq miftuħa, kuntatti ma’ annimali u ma’ nies li għandhom mard respiratorju, u jekk meta jiġu lura jkollhom sintomi ta’ mard tan-nifs, deni u sogħla, ikellmu lit-tabib u jċemplu lis-suprintendenza tas-saħħa pubblika biex isiru t-testijiet li hemm bżonn.

“Il-fatt li aħna Malta m’għandniex direct flights għal din l-area, il-fatt li aħna qed naraw li anke fl-Ewropa ma kienx hemm każijiet, ma hemm l-ebda lok ta’ allarm. Infatti l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li hemm ir-riskju li tinfirex f’dawk il-pajjiżi li huma qrib ta’ din il-provinċja.”

Il-Professur Gauci kompliet tgħid li l-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin f’kuntatt dirett u kontinwu mat-tobba u l-professjonisti għal dak kollu li jista’ jinqala’. Spjegat li l-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin f’kuntatt ukoll mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u maċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard, l-ECDC.

Aħbarijiet Oħra
Temp

L-uffiċċju meterjoloġiku qed iwissi li r-riħ mill-Majjistral ser ikun qawwi f’xi waqtiet fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Ir-riħ mistenni jilħaq qawwa ta’ forza 6.

Kronaka

Dalgħodu, għall-ħabta tas-6:30, raġel Malti ta’ 72 sena nstab mejjet fiċ-ċella tiegħu. B’dan il-każ ġew infurmati minnufih il-pulizija tad-distrett biex jinvestigaw, u nħatret inkjesta bil-Maġistrat tal-Għassa, kif ukoll inkjesta interna.

Lokali

Tħabbret il-mewt taċ-Chairman tal-Bord tal-Housing Affordabbli,  Joseph Bartolo. Magħruf ukoll bħala l-Isloopy, Bartolo kien ukoll consulent fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Bosta qalu li se jibqgħu jiftakruh bħala riformatur soċjali u bejjiegħ…

Aktar