Qasam soċjali
F’Malta n-nies fir-riskju tal-faqar naqsu minn 24.6% fl-2013 għal 20.1% s-sena l-oħra

Fl-2018, f’Malta kien hawn madwar 8.1 fil-mija tal-popolazzjoni li jgħixu f’riskju ta’ faqar, li jfisser 7.4% inqas mill-medja Ewropea.

Il-faqar f’Malta kien taħt il-lenti fil-Jum Dinji għall-Qerda tal-Faqar, bil-Ministru Michael Falzon jgħid li l-faqar naqas bis-saħħa tal-miżuri mħabbra mill-Gvern fil-Budget; filwaqt li l-Ministru Carmelo Abela qal li l-Gvern qed jimpenja ruħu biex jindirizza l-qasam soċjali u l-morsa tal-pandemija fuq is-soċjetà.

Ċifri uffiċjali juru kif in-numru ta’ nies fir-riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali naqas minn 24.6% fl-2013 għal 20.1% fl-2019. Il-Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali Michael Falzon qal li s-sena l-oħra, kien hawn madwar 18-il elf persuna li jgħixu fi stat ta’ faqar sever u ftit iżjed minn erbgħin elf ruħ huma materjalment mċaħħda minn affarijiet bażiċi.

Il-Ministru Falzon qal li minkejja li ċ-ċifra tibqa’ sfida għax il-Gvern jixtieq li ma jkun hemm l-ebda persuna li jkun f’dan l-istat, l-ammont huwa terz ta’ dawk li kienu mċaħħda materjalment u severament fl-2013. Dr Falzon jatribwixxi dan is-suċċess għal diversi fatturi li qal huma effettivi fil-politika li qed jimplimenta dan il-Gvern.

“Bla dubju ż-żieda fil-pensjoni li f’dan il-budget se tkun is-sitt waħda hemmhekk ukoll kellek roħs fit-tariffi tad-dawl u l-ilma, il-mediċini li ġew iktar available, u mbagħad għandek it-tarf l-ieħor tal-ispectrum it-tfal u l-parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol. Childcare b xejn, transport b’xejn kellek parteċipazzjoni ferm u ferm ikbar fid-dinja tax-xogħol,” qal il-Ministru Falzon.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, qal li l-Gvern qed iwettaq ħidma bbażata fuq it-tisħiħ tal-edukazzjoni u l-ħolqien ta’ programmi ibbażati fuq il-qasam soċjali fejn żdiedu l-għajnuniet fejn kien meħtieġ. Mistoqsi dwar l-impatt tal-Covid, il-Ministru Abela qal li l-Gvern qed jissielet ir-riperkussjonijiet li qed tħalli l-pandemija bi kwalunkwe mezz possibbli.

“Ovvjament il-pandemija m’ għenitx din il-kwistjoni tal-working poor, anzi jista’ jkun li tefgħet piżijiet jew sfidi fuq il-ħaddiema u familji oħrajn. Il-gvern jinsab attent għal dan bil-miżuri li ħadna matul dawn l-aħħar xhur anki biex il-covid wage suppliment jiġi estiż ukoll,” qal il-Ministru Abela.

Il-Ministru Abela qal li n-Nazzjonijiet Maqgħuda tat punteġġ ta’ 99.9 minn mija dwar il-faqar sever il-progress li qed tirreġistra Malta biex jinqered kwalunkwe forma ta’ faqar sal-2030.