Droga
F’Malta qed ikompli jiżdied l-abbuż mill-kokaina, filwaqt li naqas l-użu tal-eroina

Mir-rapport annwali Ewropew dwar l-Użu tad-Droga jirriżulta li f’Malta qed ikompli jiżdied l-abbuż mill-kokaina, filwaqt li naqas l-użu tal-eroina. Ir-Rapport ikkonferma wkoll dak li aġenziji f’Malta bħal Sedqa kellhom indikazzjoni dwaru fuq il-ħaxixa, li din qed tkun iktar qawwija minn dik li kienet tkun fis-suq għaxar snin ilu. F’kummenti ma’ TVM, Dr Moses Camilleri mill-Aġenzija Sedqa qal li min qed juża l-ħaxixa qed ibati minn konsegwenzi iktar serji iktar mill-effetti li kienet tħalli qabel din it-tip ta’ droga.

L-ispeċjalista fil-vizzju tad-droga mill-Aġenzija Sedqa, Dr Moses Camilleri, qal lil TVM li r-rapport Ewropew dwar l-użu tad-droga juri li x-xejriet tal-vizzju tad-droga f’Malta jixbaħ lis-sitwazzjoni li qed jiffaċċjaw il-parti l-kbira tal-pajjiżi Ewropej.

Kulma jmur, l-abbuż mill-kokaina qed ikompli jiżdied, anke f’Malta, tant li fl-2013, 16.5% ta’ dawk li ħadu s-sustanzi kienu qed jieħdu l-kokaina.

“Li l-użu tal-kokajina qed issir iktar frekwenti qed narawh ukoll fost in-nies li jiġu jitolbu l-għajnuna għandna. Nies li jużaw il-kokaijna b’tali mod li jsir problema…. qiegħed jiżdied u dawn huma nies li s-soltu jiġu għandna jitolbu l-għajnuna. Jiġifieri bħalma qed jiżdied ġewwa l-Ewropa qed narawh jiżdied ġewwa Malta wkoll.”

Xejra oħra komuni hi l-abbuż mill-eroina, bir-rapport juri li naqas l-ammont ta’ nies li jagħmlu użu minn din id-droga, kemm f’Malta u wkoll fl-Ewropa. Dr Camilleri qal li dan ma jfissirx li m’għadx hemm problemi ġejjin mill-użu tal-eroina.

“Kif nafu l-eroina hi waħda minn dawk is-sustanzi fost l-iktar diffiċli li wieħed jirnexxielu jieqaf juża, mhux impossibbli, ma rrid naqta’ qalb ħadd hawnhekk imma hi sustanza li meta wieħed isir dipendenti fuqha, biex jieqaf minnha mhux daqshekk faċli. Allura waqt li qed naraw anqas nies ġodda, qed naraw nies li fi snin passat kienu bil-problema u llum qed ibatu side effects, mard minħabba l-użu ta’ dik is-sustanza.”

Fl-użu tal-kannabis, fl-2013 Malta rreġistrat 13.2% ta’ dawk li kienu qed jieħdu s-sustanzi li għamlu użu mill-kannabis. Ir-Rapport Ewropew dwar l-Użu tad-droga juri dak li aġenziji bħal Sedqa ilhom jinnutaw fl-aħħar snin, li l-ħaxixa hi iżjed qawwija minn dik li kien hemm fis-suq 10 snin ilu.

“Nies li jgħidulna li jużaw il-ħaxixa qed jiġu għandna u jkunu qed ibatu minn konsegwenzi aktar serji milli qatt rajna qabel. L-unika spjegazzjoni li nistgħu nsibu huwa li l-ħaxixa li available fuq is-suq kemm Malta u anke l-Ewropa hu li l-kwantita’ tal-active ingredient huwa iktar qawwi minn dak li kien għaxar snin ilu.”

Dan ma jfissirx li din id-droga kienet destinata għal Malta, iżda ħafna drabi tkun inqabdet mill-awtoritajiet fi triqitha minn pajjiż għall-ieħor.

Matul l-2017 f’Malta kien hemm ħames imwiet minħabba d-droga u tqassmu kważi 276,000 siringa. Fil-Lussemburgu, li bħala popolazzjoni titqabbel ma’ Malta, kien hemm 4 imwiet, iżda tqassmu kważi d-doppju tas-siringi.