F’Malta qegħdin jiġu reġistrati 4 separazzjonijiet kuljum – X’inhi r-raġuni?

Ta’ kull sena jiżżewġu madwar 2,500 persuna, 55% jagħżlu li jiżżewġu biċ-ċivil, filwaqt li l-45% l-oħra jiżżewġu bil-knisja. Din hija bidla meta komparata ma’ snin preċedenti, biss iż-żieda fiż-żwieġ biċ-ċivil tista’ tkun dovuta għaż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Minn naħa l-oħra kull sena jiġu reġistrati 1,300 separazzjoni, medja ta’ bejn wieħed u ieħor 4 separazzjonijiet kuljum, 375 minnhom jieħdu wkoll id-divorzju.

‘Popolin’ tkellem ma Matthew Bartolo, sesswologu li sostna li n-numri indikati juru li min fil-preżent jagħżel li jiżżewweġ u jirnexxielu jibqa’ fiż-żwieġ, juri li veru jixtieq ikun parti minn dik l-unjoni. Tkellem ukoll fuq l-importanza li ngħallmu t-tfal tagħna kif tkun parti minn relazzjoni; “kemm qegħdin inrabbu t-tfal tagħna biex ma jinvestux biss fil-karriera, imma jinvestu wkoll fil-ħin id-dar u japprezzaw il-ħin id-dar? Qegħdin intellgħu soċjetà individwalista immens”. Bartolo tkellem ukoll fuq il-fatt li ħafna koppji llum qed jagħżlu li jkollhom kontijiet separati. Fl-opinjoni tiegħu dan qed joħloq diversi problemi għaliex meta l-pagi jkunu differenti, l-membri tal-koppja qegħdin jgħixu stil ta’ ħajja differenti.

Nicholas Baldacchino, mill-moviment ta’ Kana tkellem fuq il-fatt li kull relazzjoni li jkollna f’ħajjitna hija diffiċli u titlob element ta’ sagrifiċċju. Mistoqsi mill-preżentatur jekk jaqbilx mal-argument li persuna mhux maħluqa biex tgħix mal-istess bniedem għal dejjem, Baldacchino spjega li jiltaqa’ ma’ ħafna koppji li ilhom flimkien il-fuq minn ħamsin sena u jkomplu jgħallmu kif wieħed għandu jħobb, għal din ir-raġuni ma jemminx li persuna mhux kapaċi tgħix mal-istess bniedem; “l-esperjenza turina li huwa possibbli”.

Mistoqsi x’inhi r-raġuni għaliex diversi persuni jagħżlu li jkollhom partner ieħor barra mir-relazzjoni uffiċjali tagħhom, is-sesswologu spjega li għalkemm ħafna nies jaħsbu li r-raġuni prinċipali hija s-sess, fil-verità hija l-inqas raġuni għalfejn persuna tfittex lil ħaddieħor. Żied jgħid li ġeneralment ikun hemm xi ħaġa nieqsa fir-relazzjoni jew fil-partner ta’ dak li jkun għalhekk il-persuna tagħżel li tfittex dak li hemm nieqes f’ħaddieħor.