F’Malta t-tfal jirrispondu aħjar għall-kura tal-kanċer; 80 minn kull 100 jgħixu

Wieħed minn kull erba’ persuna f’Malta jmutu bil-kanċer. Skond l-aħħar statistika maħruġa mill-aħħar pjattaforma nazzjonali tal-kanċer jidher li 27% tal-imwiet f’pajjiżna għandhom konnessjoni mal-kanċer, 29% tal-irġiel u 24% tan-nisa. Kważi elfejn persuna fis-sena jiġu dijanjostikati b’din il-marda bi ftit inqas minn nofs jirnexxielhom ifiqu. Din l-istatistika tindika li kważi kull familja f’Malta għandha jew kellha lil xi ħadd milqut minn din il-marda kiefra. ‘Popolin’ iddiskuta x’qed iwassal biex ikun hemm żieda fl-inċidenza ta’ din il-marda u x’miżuri jistgħu jittieħdu biex tiġi kontrollata aħjar.

Mistieden waqt il-programm, il-Konsulent Pedjatra fl-Onkoloġija tat-Tfal Dr Victor Calvagna spjega li l-problema tal-kanċer f’Malta hija simili ħafna għal dak li jiffaċċjaw pajjiżi barranin. Minħabba n-natura tax-xogħol tiegħu jiltaqa’ ma’ aktar pazjenti morda bil-kanċer li huma tfal, spjega li hemm differenza kbira bejn l-impatt tal-kanċer fuq persuna adulta u dak fuq it-tfal. “Il-kanċer fuq it-tfal jirrispondi aħjar għall-kura, fil-fatt bejn 80 u 85 fil-mija jgħixu”. Żied jgħid li t-tipi ta’ kanċer huma differenti, fit-tfal ma jiltaqgħux ma’ kanċer tal-pulmun, tal-musrana, tas-sider jew tal-prostata. L-iktar kanċer komuni li jaraw huwa lewkimja u l-kanċer fl-għadam.

Huwa spjega li dak li jikkawża kanċer fit-tfal huwa kompletament differenti minn dak fl-adulti, dan għaliex it-tfal ma jinħakmux minn din il-marda għaliex kienu jpejpu, jixorbu b’mod eċċessiv, ma jagħmlux eżerċizzju jew għax id-dieta tagħhom mhijiex tajba. “It-tfal jaqbadhom kanċer jew għax jirtuh li huwa persentaġġ żgħir jew għax sfortunatament ikollu jiġi. Ir-riskju li tfal jaqbadhom kanċer huwa ħafna inqas minn fl-adulti, fil-fatt ir-riskju huwa ta’ wieħed minn kull ħames mija, mentri fil-każ tal-adulti sa l-età ta’ ħamsin sena r-riskju huwa ta’ wieħed minn kull għaxra”. Huwa saħaq li jista’ jkun li dak ikkonsmat mill-ġenituri qabel it-tqala tħalli effett fuq it-tfal biss ma’ hemm l-ebda prova li tindika fiċ-ċert li ċertu mġieba tikkawża kanċer.

Mistoqsi mill-preżentatur liema hija l-iktar età vulnerabbli għall-kanċer, Dr. Calvagna tenna li huma l-ewwel ħames snin tal-ħajja tat-tfal, dan għaliex f’dawk l-etajiet it-tfal jiżviluppaw b’rata mgħaġġla ħafna għalhekk hemm possibilità li ssir mutazzjoni li tirriżulta f’kanċer. Fl-aħħar nett saħaq li fl-opinjoni tiegħu l-mediċina alternattiva ma taħdimx.