Annimali
Fniek slavaġ qed jgħaddu minn martirju qabel imutu

Bdiewa Maltin li għandhom ir-raba’ tagħhom fit-Tramuntana ta’ Malta esprimew tħassib li kuljum fil-Park tal-Majjistral qed isibu fniek slavaġ mejtin.

Huma qed jgħidu li dan qed iseħħ kawża ta’ virus li ddaħħal minn xi ħadd bl-intenzjoni li joqtolhom.

Il-bdiewa li tkellmu ma’ TVM qalu li l-fniek qed jinstabu mejtin anki biż-żrameġ magħhom u kawża ta’ dan il-virus li jaffettwa biss lill-fniek slavaġ.

Joseph Camilleri u ħuh Salvu huma tnejn minn fost 30 kaċċatur tal-fniek slavaġ li hawn f’Malta.

It-tnejn li huma wrew id-dispjaċir li d-delizzju tagħhom qed jispiċċa minħabba din is-sitwazzjoni.

Id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Agrikoltura Dr Mario Spiteri qal li dan il-virus qed jikkawża moħqrija kbira għaliex bih il-fniek slavaġ jgħaddu minn martirju qabel imutu.

Dr Spiteri għamilha ċara li dan il-virus ma jaffettwax lill-fniek li nieklu u l-marda li għandhom il-fniek slavaġ ma tiġix trażmessa lill-bniedem.

Huwa diġà tkellem ma’ veterinarji barranin dwar din il-marda li mhux biss qed taffettwa l-fniek slavaġ li jgħixu fil-Park tal-Majjistral iżda wkoll dawk f’Għawdex.