Kultura
Fond ta’ €250,000 għal artisti Għawdxin biex joħolqu attivitajiet kulturali f’Għawdex

Minn żfin folkloristiku għall-korijiet jew kunċerti, Għawdex mhux nieqes mill-avvenimenti kulturali tul is-sena kollha.

Bil-għan li l-programm kulturali jkompli jissaħħaħ u jkun varjat tnieda l-fond ta’ €250,000 għall-attivitajiet kulturali f’Għawdex li għalih jistgħu japplikaw residenti Għawdxin stess kif spjega l-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.

“Li se jkun miftuħ għal dawk l-NGOs, artisti kif ukoll kunsilli lokali jew entitajiet li jixtiequ jippromwovu l-kultura u l-arti fil-gżira tagħna waqt li se nagħtu wkoll l-ispazju neċessarju biex joħorġu bil-proġetti huma.”

Il-Ministru Camilleri qal li din l-iskema se tipprovdi l-opportunità biex jiġu żviluppati proġetti artistiċi mill-komunità għall-komunità waqt li tiġi ċċelebrata d-diversità kulturali. Spjega li l-fond amministrat mid-Direttorat tal-Kultura se jinkoraġġixxi parteċipazzjoni kulturali attiva, jippromwovi t-talent lokali u fuq kollox biex l-identità tkun apprezzata aktar.

Intant, il-Ministru għal Għawdex nieda programm ta’ attivitajiet – bħal drammi, wirjiet, kunċerti, purċissjonijiet u letteratura – bħala parti mill-festa tal-Għid il-Kbir fil-bidu t’April. Il-programm imsejjaħ ‘Agħżel Għawdex għall-Għid il-Kbir’ hu maħsub biex fil-ġimgħat li ġejjin il-Maltin u t-turisti jżuru din il-gżira u jerġgħu jesperjenzaw it-tradizzjonijiet u d-drawwiet marbuta mal-Ġimgha l-Kbira u l-Għid il-Kbir.