Kunsilli Lokali
Fond ta’ €800,000 għar-reġjuni tal-kunsilli lokali għall-ambjent u aspetti soċjali fost oħrajn

Il-ħames reġjuni, li taħthom jaqgħu l-Kunsilli Lokali, se jkunu jistgħu jimpjegaw 30 uffiċjal biex ikunu fuq ħidma utli għall-komunità, fosthom l-immanniġġjar tal-iskart, l-ambjent, l-aspetti soċjali, kultura, l-informatika u l-ġid tar-residenti. Dan se jkun possibbli permezz ta’ skema ta’ €800,000 mqassma fuq sentejn.

Id-direttur ġenerali tad-diviżjoni tal-kunsilli lokali, Natalino Attard qal li din l-iskema se tkun qed issaħħaħ ir-riżorsi umani li hemm bżonn fil-kunsilli lokali. Is-Sur Attard qal li saru wkoll emendi legali għall-kunsilli reġjonali biex jissaħħaħ l-irwol tagħhom li jikkoordinaw il-kunsilli lokali.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Jose’ Herrera qal li l-Kunsilli jridu jġibu iktar fondi Ewropej biex iwettqu proġetti innovattivi li jkunu ta’ benefiċċju għar-residenti. Qal li fiż-żmien li ġej se jkun qed iħabbar riforma fil-kunsilli lokali biex ikunu f’sitwazzjoni li jirrendu f’iktar ħidma siewja għall-komunità.

“Identifikajna 10 pilastri mportanti li jkopru l-ħidma kollha tal-kunsilli, ħafna drabi il-kunsilli jħossu li jsiru xogħlijiet li jiġu njorati, irrid li l-kunsilli tagħna iħossuhom iktar involuti fil-gvern lokali tagħhom.”

Il-Minsitru Herrera qal li l-mira tal-Gvern hi li jkompli jsaħħaħ l-ekonomija tal-kunsilli lokali, u li jkun hemm koordinament iktar b’saħħtu bejn il-Gvern ċentrali u dak lokali.