MEUSAC
Fondi Ewropej għall-aktar nies vulnerabbli

Pajjiżna mhux nieqes minn entitajiet li jgħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, fosthom persuni bil-vizzju tad-droga, b’diżabilità, dawk fir-riskju tal-faqar u oħrajn b’mard terminali.

Iżda l-professjonalità u r-rieda tajba mhumiex biżżejjed. Fejn tidħol l-għajnuna professjonali, jinħtieġu ħafna fondi għar-riżorsi minn fejn l-entitajiet joffru s-servizzi tagħhom, li ħafna drabi jingħataw mingħajr ħlas. Dan ma jfissirx li ma jiswewx flus u l-entitajiet involuti jkollhom uġigħ ta’ ras biex jiġbru l-finanzi ħalli jsostnu s-servizzi imprezzabbli tagħhom.

L-Unjoni Ewropea tikkumplimenta dawn l-isforzi billi toffri diversi programmi ta’ fondi għal proġetti li minnhom jibbenefikaw persuni u gruppi vulnerabbli fl-Istati Membri tal-UE.

Riċentement ġie mħabbar li l-Caritas Malta u Hospice Malta ser jingħataw mat-3 miljun ewro f’fondi Ewropej mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali sabiex ikollhom binjiet li minnhom jagħtu servizzi professjonali lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

Il-Caritas se tkun qed tiċċentralizza wħud mis-servizzi li toffri billi tirranġa binja ġewwa l-Blata l-Bajda sabiex tgħin persuni li spiċċaw vittmi tal-vizzji tad-droga, l-alkoħol u l-logħob tal-azzard.

Permezz ta’ dan il-proġett, il-Caritas se tkun qed tkompli tgħin ukoll diversi nies vulnerabbli biex ma jibqgħux f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali minħabba l-problemi li jkunu spiċċaw fihom. F’dan iċ-ċentru, il-Caritas sa tkun qed tiġbor ukoll l-attività amministrattiva kollha tagħha, biex b’hekk tiffaċilita l-operat tal-organizzazzjoni.

Mill-banda l-oħra, Hospice Malta sa tkun qed tinvesti f’kumpless ġewwa Ħal Balzan li permezz tiegħu sa tkun qed tiġbor is-servizzi kollha tagħha taħt saqaf wieħed u sa tkun qed tiżviluppa wkoll servizzi li huma ġodda għal Malta fil-qasam tal-kura lil persuni li għandhom mard terminali u lill-familji tagħhom.

Din il-kura tissejjaħ kura paljattiva. L-infrastruttura preżenti minn fejn topera l-Hospice bħalissa ma tippermettix li tkompli tifrex is-servizzi tagħha u toħloq oħrajn ġodda. Għaldaqstant dan il-proġett se jkun qed jgħin l-iżvilupp f’dan is-settur tas-saħħa f’pajjiżna li huwa tant importanti għal persuni li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ mard li jkun ta’ theddida għal ħajjithom.

Bħala aġenzija tal-Gvern, il-MEUSAC provdiet assistenza bla ħlas lil dawn iż-żewġ entitajiet biex setgħu jfasslu l-proġetti tagħhom u jissottomettu l-applikazzjoni meħtieġa biex jinkisbu l-fondi Ewropej.

Jekk l-organizzazzjoni tiegħek tixtieq tkun taf kif tista’ tibbenefika minn fondi tal-Unjoni Ewropea, ibgħat email lil [email protected] jew ċempel 2200 3300.

 

Tagħrif miġbur minn:

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Il-Pulizija ressqet il-Qorti żagħżugħ u xlietu li bejn Frar u Mejju wettaq ħames serqiet ta’ flus u ġojjelli minn residenzi fl-Imsida u San Pawl il-Baħar. Aliosha Emnadze, Ġorġjan ta’ 24…

Sajd

Il-fdalijiet tat-tonn li ntlemħu fil-bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet għandhom riħa ta’ attività illegali. Fi stqarrija mibgħuta mill-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akwakultura, intqal li dawn il-fdalijiet huma…

Infrastruttura

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li bir-regolamenti l-ġodda dwar l-industrija tal-kostruzzjoni, il-Gvern qed jagħlaq il-ventilaturi biex fi kliemu, il-ħmar ma jwaħħalx f’denbu, u tkun tista’ tintrefa’ responsabbiltà meta tiġġarraf xi…

Qorti

Fil-Qorti llum kompliet il-kumpilazzjoni dwar il-qtil doppju ta’ Maria Lourdes u Angele Bonnici f’Ħal Għaxaq. Tkellemet illum fil-Qorti l-esperta tal-forensika, Marie Therese Camilleri li tat dettalji dwar il-ġrieħi li sofrew…

Aktar