MEUSAC
Fondi Ewropej għall-ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza

Id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza u ċ-ċittadinanza huma prinċipji fundamentali għall-Unjoni Ewropea. Tant hu hekk li għall-perjodu 2014-2020 l-Unjoni Ewropea allokat baġit ta’ €495 miljun għall-implimentazzjoni ta’ proġetti li jippromwovu u jaraw li jipproteġu dawn il-prinċipji. Dawn il-fondi huma aċċessibbli permezz tal-Programm tad-Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza.

Fost l-oġġettivi ta’ dan il-Programm insibu:
– Il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija, l-omofobija u forom oħra ta’ intolleranza;
– Il-promozzjoni tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità;
– Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-integrazzjoni tal-ġeneru;
– Il-prevenzjoni tal-vjolenza fuq it-tfal, iż-żgħażagħ, in-nisa u gruppi oħra f’riskju; u
– Il-promozzjoni tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.

Dawn l-oġġettivi jkunu riflessi fis-sejħiet li jiġu pubblikati taħt dan il-Programm ta’ fondi minn sena għall-oħra. Infatti, fl-aħħar ta’ Jannar li għadda, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet l-ewwel sejħiet ta’ din is-sena għal dan il-Programm.

Permezz tas-sejħiet miftuħa bħalissa, entitajiet eliġibbli jistgħu jisottomettu proposti li jolqtu suġġetti differenti, bħal: (i) proposti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta’ vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa; (ii) proposti dwar it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ persuni li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal; u (iii) proposti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija, l-omofobija u forom oħra ta’ intolleranza, u dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda onlajn.

Dawn is-sejħiet kollha jagħlqu f’April li ġej – għalkemm fi ġranet differenti. Aktar informazzjoni dwar is-sejħiet kollha li hemm miftuħa bħalissa tinstab fuq il-websajt tal-MEUSAC: https://meusac.gov.mt/funding-opportunity/rights-equality-and-citizenship-programme/
L-attivitajiet li jistgħu jiġu implimentati permezz ta’ dawn il-proġetti jvarjaw ukoll skont is-sejħa partikolari. Xi eżempji jinkludu taħriġ (bħal skambji ta’ persuni u workshops), tagħlim reċiproku, attivitajiet ta’ koperazzjoni, skambji ta’ prattiki tajbin u attivitajiet analitiċi (bħal studji, ġbir ta’ data, żvilupp ta’ metodoloġiji komuni, u stħarriġ).

Fil-passat, il-MEUSAC għenet diversi entitajiet biex jissottomettu l-proposti tagħhom taħt dan il-programm. Infatti s-sena l-oħra l-MEUSAC assistiet lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data biex jissottometti proposta għall-fondi biex ikun jista’ (i) jippromwovi d-drittijiet taċ-ċittadini b’rabta mar-Regolament Ġenerali għall-Protezzjoni tad-Data (GDPR), bil-għan li jiżdied l-għarfien dwar is-suġġett fost il-pubbliku f’Malta u (ii) iqajjem kuxjenza fost is-settur tan-negozju dwar l-obbligi tal-GDPR u r-regolamenti ġenerali (b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju) bil-għan li jiffaċilita l-konformità u jwieġeb il-mistoqsijiet tagħhom. Dan il-proġett ġie magħżul biex jingħata l-fondi.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza, u Ċittadinanza jew kwalukwe programm ieħor ta’ fondi Ewropej, ikkuntattja lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew [email protected]

Dan it-tagħrif ġie miġjub lilkom minn:

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-ġurnalist veteran Reno Bugeja rrapporta għax-xogħol għall-aħħar darba mal-istazzjon nazzjonali wara karriera ta’ 44 sena. Is-Sur Bugeja se jirtira bl-età f’nofs dan ix-xahar wara li għall-aħħar seba’ snin mexxa l-Kamra tal-Aħbarijiet…

Lokali

Issokta r-restawr tal-fortifikazzjonijiet li jinkludu l-Ospizio fil-Furjana biex sas-sajf ta’ sentejn oħra jinfetaħ għall-pubbliku dak li qed jissejjaħ bħala l-ewwel mużew tal-arti kontemporanja f’Malta bl-isem ta’ MICAS. Il-proġett jinkludi fost…

Avjazzjoni

L-Air Malta kitbet paġna oħra fl-istorja tagħha meta ajruplan tal-linja nazzjonali tar għall-ewwel darba lejn l-Indja biex ħa lura f’Kerala 110 ċittadin Indjan f’titjira ta’ ripatrijazzjoni mħallsa mill-gvern. Tkellimna ma’…

Lokali

Il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment se jingħalaq u l-aġenti ġew infurmati biex ma jaċċettawx iżjed applikazzjonijiet. Minflok ser isiru regolamenti ġodda dwar ir-residenza b’żewġ saffi. Saff minhom jagħti dritt lil persuni li…

Aktar