Fondi Ewropej għar-restawr ta’ partijiet minn Villa Francia f’Ħal Lija

Is-Sinjura Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Dr Ian Borg ħabbru li ser ikunu allokati madwar miljun ewro mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali sabiex jiġu rrestawrati partijiet minn Villa Francia.

Is-Sinjura Muscat fl-indirizz tagħha qalet li din il-proprjetà jinħtiġilha diversi interventi  sabiex il-post jerġa’ jingħata l-ħajja li tixraqlu. Dan għaliex fil-passat din tħalliet taqa’ fi stat ta’ abbandun. Hija spjegat li wara li jitlesta x-xogħol pjanat din il-binja ser tkun qed tinfetaħ perjodikament għall-pubbliku.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Dr Ian Borg qal li dawn l-interventi ser ikunu possibbli minħabba li nstab xi tfaddil minn fuq proġetti oħra li bbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt l-ass ta’ prijorità tat-turiżmu. Huwa spjega li dan il-proġett irid ikun lest sal-aħħar tas-sena 2015 peress li qed ikun iffinanzjat mill-programm 2007-2013.

Tkellem ukoll il-Perit Charles Buhagiar bħala Chairman tal-BICC fejn qal li l-għan prinċipali ta’ dan il-proġett hu li jiftaħ il-bibien tal-Villa għall-viżitaturi u t-turisti bl-iskop li joffri destinazzjoni turistika ġdida fl-inħawi biex b’hekk jikkumplimenta l-prodott turistiku eżistenti li diġa’ huwa offrut fl-area tal-madwar  permezz ta’ Gnien San Anton u Villa Apap Bologna li jaqgħu fil-qalba urbana tat-tlett villaġġi ta’ Ħ’Attard, Ħal Lija u Ħal Balzan.

Il-Perit Herman Bonnici mir-Restoration Unit spjega kif il-maġġoranza tax-xogħol ser ikunu ffukati fuq interventi fil-ġonna tal-Villa billi jiġu rranġati il-passaġġi ewlenin, isir ir-restawr neċessarju fuq in-niċeċ, l-istalel u l-gazibo, kif ukoll interventi fuq il-Mitħna tal-ilma.

Villa Francia ġiet mibnija mill-familja Periosi fl-1757. Matul iż-żminijiet din il-proprjetà kompliet tiġi żviluppata u fis-27 ta’ Frar 1987  il-Villa u l-propjeta` tal-madwar kienu mogħtija lir-Repubblika ta’ Malta fejn bdew iservu bħala r-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza l-forum dinji fejn ħabbar li għaxar operaturi tal-kannabis mediċinali kienu approvati mill-Malta Enterprise u anke se japplikaw mal-Awtorità tal-Mediċini biex jingħataw liċenzja. Dr Muscat qal…

Lokali

Riesqa lejn l-aħħar il-Presidenza ta’ Marie-Louise Coleiro Preca, bil-President Marie Louise Coliero Preca tiddeskrivi l-poplu Malti bħala wieħed ġeneruż li jaf jogħla ‘l fuq mill-argumenti u jingħaqad flimkien biex jesprimi…

Lokali

Il-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta beda jiltaqa’ f’Malta u qed jiddiskuti proposti biex isaħħaħ il-vuċi tal-Maltin imferxa f’diversi komunitajiet madwar id-dinja. Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru Carmelo Abela qal li…

Aktar