Propjetà
Fondi lil 16-il raħal biex ikun irranġat il-komun tal-blokok tal-housing

Daħlet fil-ħames sena tagħha l-iskema li se tara li l-komun ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali jkun irranġat u midjur kif sippost.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, qal li din l-iskema issa se tkun estiża għal 16-il lokalità oħra, b’investiment ta’ €600,000.

“Illum għadna kemm ħabbarna sittax-il lokalità oħra, sittax-il Kunsill Lokali se jibbenefika minn fondi biex jassisti lil ċittadini li jgħixu f’dawn l-oqsma ta’ djar soċjali, ħalli jirranġaw il-partijiet tal-komun u jżommuh fi stat tajjeb, qal il-Ministru.”

Il-Ministru Galdes qal li fl-aħħar snin ġew restawrati u rranġati madwar 5,600 appartament sabiex iktar familji jkollhom fejn jgħixu. Qal li issa huwa importanti li dawn l-appartamenti mhux biss jinżammu fi stat tajjeb, iżda anke l-partijiet komuni jkunu ta’ livell. Qal li b’dawn il-flus se jkunu qed jiġu midjura iktar minn 100 blokka ta’ appartamenti, sal-aħħar ta’ din is-sena.

Fi kliem il-Ministru Galdes, dan juri li t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż fl-aħħar snin issa qed jissarraf f’iktar miżuri soċjali. “Din hija skema fil-ħames sena li ħabbarna, din turi li qed nitfgħu l-investiment tagħna anke f’miżuri soċjali bħal dawn.. iktar minn hekk nemmnu anke fir-riġenerazzjoni, ir-riġenerazzjoni tal-komunitajiet li mhux biss inżommu fi stat tajjeb il-klassi kapitali tal-pajjiż, imma wkoll li ngħinu l-Kunsilli Lokali, u li niffaċilitawlhom l-għajnuna fost ir-residenti biex dawn iżommu fi stat tajjeb dawn l-appartamenti tal-Gvern.”

Il-Ministru għall-Gvern Lokali, Jose Herrera, qal li minkejja li l-Unjoni Ewropea għamlet limitu fuq kemm pajjiż jista’ jqassam postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali, xorta waħda l-Gvern qed jaħdem sabiex jara li kull persuna f’pajjiżna jkollha saqaf fuq rasha. Waqt li rrikonoxxa li din hija waħda mill-ikbar problemi li qed jaffaċċja pajjiżna, saħaq li bil-miżuri soċjali li qed jiddaħħlu fis-seħħ, qed jogħla l-livell tal-klassijiet soċjali kollha f’Malta u Għawdex.