Riċerka
Fondi tal-UE għar-riċerka diskussi bejn il-MEUSAC u l-Gvern

Il-MUESAC iddiskutiet mal-Gvern il-proposta Horizon Europe għal fondi fir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan filwaqt li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet bejn l-istati membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar kif għandu jitqassam il-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal li l-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali għall-kompetittività, f’dinja li qed tinbidel b’rata mgħaġġla. Il-Ministru qal li l-Gvern jisħaq fuq tranżizzjoni ġusta biex fl-Unjoni Ewropea, pajjiżi iżgħar jilħqu l-livell ta’ pajjiżi akbar fejn jidħlu r-riċerka u l-innnovazzjoni, u dan permezz ta’ investiment li jrendi fit-tul.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li filwaqt li huwa tajjeb li l-fondi Ewropej jiġu assorbiti sal-aħħar ċenteżmu, jeħtieġ iktar ambizzjoni ħafna iktar, u nnota li l-pajjiżi li saru membri tal-UE fl-2004 u fis-snin ta’ wara, fosthom Malta, jieħdu biss 5% tal-programm ‘Horizon’ kollha f’daqqa.