Barranin
F’Pariġi jipprotestaw kontra l-introduzzjoni taċ-ċertifikat tat-tilqima kontra l-COVID-19

F’Pariġi, il-Pulizija sparat il-gass tad-dmugħ waqt demostrazzjonijiet kontra l-introduzzjoni taċ-ċertifikat tat-tilqima kontra l-COVID-19.

Għadd kbir ta’ nies inġemgħu fil-belt kapitali ta’ Franza biex jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom għall-introduzzjoni taċ-ċertifikat tal-vaċċin li se tibda mid-9 ta’ Awwissu.

Nhar l-Erbgħa li għadda għaddiet leġislazzjoni li wieħed irid juri li tlaqqam kontra l-imxija biex jidħol f’kafetteriji, jirkeb ferrovija u jitla’ fuq ajruplan. Ħafna jemmnu li ċ-ċertifikat tal-vaċċin qed joħonqilhom il-libertà.

Minn tal-inqas, ilbieraħ saru erba’ protesti f’Pariġi. Ma’ dawn kien hemm għadd ta’ protesti oħra mferxin mal-pajjiż.

Il-COVID-19 wasslet għal għadd ta’ protesti fi Franza fosthom anke kontra r-restrizzjonijiet li kienu ġew introdotti sabiex titrażżan l-imxija.